Il-Qorti tal-Maġistrati kkwantifikat l-ammont ta’ assi ffriżati kontra l-Eks Deputat Laburista Silvio Grixti u erba’ imputati oħra mixlija b’serq u misapproprjazzjoni fuq frodi tal-benefiċċji soċjali. Il-Maġistrat Rachel Montebello tat digrieti dwar l-assi li għandhom jiġu sekwestrati u ffriżati fl-akkużi kontra l-Eks Deputat u GP Laburista Silvio Grixti, u persuni oħra akkużati dwar ir-racket ta’ €6 miljun fi frodi tal-benefiċċji tad-diżabbiltà,
Il-Qorti ordnat li total ta’ €4.5 miljun f’assi jiġu ffriżati fil-konfront ta’ Silvio Grixti. L-akkużati l-oħra huma Roger Agius, Emanuel Spagnol, Dustin Caruana u Luke Saliba. L-assi ffriżati ta’ Agius kienu jammontaw għal €60,000; Spangol għal €90,000; €153,000 għal Caruana, u €47,000 għal Saliba.
Dawn l-ammonti jkunu soġġetti għal konfiska fil-każ ta’ kundanna. Il-varjazzjonijiet li ġew wara l-ordni ta’ ffriżar maħruġa f’April 2024, fejn il-Qorti ordnat is-sekwestru f’idejn terzi b’mod ġenerali tal-flus kollha u proprjetà oħra mobbli jew immobbli li tappartjeni lill-akkużat.
Roger Agius, Emmanuel Spagnol, Dustin Caruana u Luke Saliba, kienu ġew mixlija li waqqfu u li ffurmaw parti minn organizzazzjoni kriminali, li ffrodaw lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ammont ta’ aktar minn €5,000 u falsifikazzjoni ta’ dokumenti uffiċjali. L-irġiel huma akkużati wkoll li ffalsifikaw dokumenti pubbliċi u xjentement għamlu użu minnhom, għamlu dikjarazzjoni falza lill-awtoritajiet pubbliċi u fil-pussess ta’ oġġetti maħsuba biex jintużaw għal skopijiet frawdolenti, kif ukoll akkuża separata ta’ ħasil ta’ flus.
Grixti jinsab akkużat li pprovda lill-applikanti b’ċertifikati mediċi għal diżabbiltà li fil-verità ma sofrewx minnhom, li ppermettewhom jikkwalifikaw għall-allowance wara li dehru quddiem bord mediku. Il-Pulizija qed takkuża lil Agius, Spagnol, Caruana u Saliba li aġixxew bħala intermedjarji, li ġabru ħlasijiet mingħand il-benefiċċjarji frawdolenti.
Lista dettaljata tal-benefiċċjarji li nstabu fuq il-laptop ta’ Grixti, ġew miġbura skont ir-rabta tagħhom mal-imputati differenti, flimkien ma’ rekords tal-ammonti li Grixti kien irċieva u t-totali mħallsa mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali lill-benefiċċjarji frawdolenti.
Aktar ismijiet għal dawk skoperti fuq il-laptop ta’ Grixti, instabu dettaljati f’reġistri miktuba bl-idejn li l-Pulizija rkuprat mid-dar ta’ Roger Spagnol, qalu l-ispetturi. Spagnol u Grixti kienu qasmu d-dħul, ingħad fil-Qorti.
L-Avukati tal-AĠ Abigail Caruana Vella u Charmaine Abdilla flimkien mal-Ispetturi Andy Rotin, Wayne R Borg u Shaun Friggieri qed imexxu l-prosekuzzjoni. L-Avukati Arthur Azzopardi u Franco Debono qed jidhru għal Silvio Grixti. L-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta qed jassistu lil Roger Agius. L-Avukati Josè Herrera u Matthew Xuereb għal Luke Saliba, filwaqt li l-Avukat Michael Sciriha qed jidher għal Dustin Caruana u Emmanuel Spagnol.
//= $special ?>