Lokali

L-Ispeaker Anġlu Farrugia jisħaq li l-ebda pajjiż ma jista’ jgħix f’iżolament

Il-parlamenti madwar id-dinja qed jesperjenzaw żmien fejn il-kooperazzjoni u l-kollaborazzjoni huma essenzjali.

L-ebda pajjiż ma jista’ jgħix f’bozza u din hija partikolarment relevanti għall-pajjiżi li huma żgħar.

Hekk sostna l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia waqt il-ftuħ tas-17-il konferenza tal-Presidenti tal-Parlament tal-Istati membri żgħar fl-Ewropa. Il-konferenza li fiha qed jieħdu sehem rappreżentanti minn Andorra, Ċipru, Leichtenstein, il-Lussemburgu, Monaco, il-Montenegro kif ukoll San Marino, qed issir f’dawn il-jumejn.

Il-parteċipanti qed jiddiskutu diversi temi li huma relevanti għal stati żgħar li huma membri fl-Unjoni Ewropea, fosthom it-tibdil fil-klima, kif ukoll ir-rwol tal-istati membri żgħar fil-kuntest ta’ multilitteraliżmu kif ukoll l-immigrazzjoni.

L-Ispeaker ta’ pajjiżna aċċenna wkoll għall-fatt li pajjiżi differenti madwar id-dinja, wara l-pandemija tal-Covid, irrealizzaw l-importanza li jaħdmu flimkien – u mhux b’mod individwali.

Din il-konferenza li qed tiġi organizzata mill-Parlament ta’ Malta u li qed issir fil-Parlament stess, mistenija tkompli l-Ġimgħa.