Lokali

L-Oppożizzjoni għandha s-soluzzjonijiet għall-problema tat-traffiku

Uħud mill-miżuri li qed jitkellem dwarhom il-Ministru għat-Trasport huma ideat li l-PN ħareġ bihom seba’ snin ilu, jew identiċi

Ninnutaw bi pjaċir li l-Gvern fehem li l-Partit Nazzjonalista għandu s-soluzzjonijiet għall-problema tat-traffiku.

Għalkemm seba’ snin tard, qal Mark Anthony Sammut, ix-Shadow Minister għat-Trasport u l-Mobbiltà, il-Gvern induna li l-proposti li għamel il-Partit Nazzjonalista jistgħu jkunu parti mis-soluzzjoni għall-problema tat-traffiku.

Gvern Laburista li għal snin twal ma kienx kapaċi jnaqqas it-traffiku, anzi kompla ggrava s-sitwazzjoni bin-nuqqas ta’ ppjanar, issa qed jinduna li li kieku sema’ mill-Partit Nazzjonalista, ma kienx jifga t-toroq tagħna bħalma huma fgati llum.

F’intervista mas-Sunday Times of Malta, il-Ministru għat-Trasport Chris Bonett nhar il-Ħadd qal li fost l-inizjattivi u miżuri li qed jikkunsidra l-Gvern biex jindirizza l-problema tat-traffiku hemm inċentivi biex wieħed jagħti lura l-liċenzja tas-sewqan, trasport tal-massa fuq korsiji dedikati, b’servizz ta’ trasport pubbliku, b’karozzi tal-linja iżgħar li jgħaqqad iċ-ċentri tal-irħula ma’ din is-sistema, żieda fil-links marittimi biex il-baħar jintuża ħafna aktar bħala trasport alternattiv.

Dawn l-ideat jew huma ideat li kien għamel il-Partit Nazzjonalista fil-programmi elettorali tal-2017 u tal-2022, inkella huma identiċi. Fost oħrajn, il-PN kien ippropona sistema ta’ trasport tal-massa veloċi fuq korsiji dedikati b’konnessjonijiet aħjar għal rotot bid-dgħajjes, roti u mixi, inċentiv biex wieħed jagħti lura l-vettura tiegħu u ma jdaħħalx oħra għal numru ta’ snin, u li l-ħlas ta’ liċenzja li jkun inqas jekk wieħed juża l-vettura tiegħu inqas.

Proposti li kienu saru abbażi ta’ studji dettaljati li kien ikkordina l-Membru Parlamentari Toni Bezzina, dak iż-żmien Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport.

Mark Anthony Sammut qal li nieħdu pjaċir li l-Gvern issa qed jieħu bis-serjetà l-proposti tal-Oppożizzjoni, għalkemm jiddispjaċina li nħlew tant snin. Dan għaliex l-ewwel reazzjoni tal-Gvern għal kull proposta li saret fil-passat dejjem kienet li jattakka jew jirredikola dak li tipproponi l-Oppożizzjoni, biex imbagħad ftit xhur jew snin wara jkun hu stess li jipproponi l-istess miżura jew xi ħaġa simili.

L-istess ħaġa kienet ġrat meta tmien snin ilu l-Partit Nazzjonalista kien ippropona li l-Gvern għandu jipprovdi t-trasport għall-iskejjel b’xejn – proposta li l-Gvern l-ewwel ipprova jirredikola u llum jiftaħar li implimenta.

Dan kollu, però, ikun għalxejn jekk il-Gvern mhux se jbiddel il-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna biex ma jibqax jiddependi fuq iż-żieda fil-popolazzjoni. Jekk dan ma jinbidilx, dawn il-miżuri jkunu biss qed itaffu l-problema għal ftit żmien biex imbagħad terġa’ tiġi fuqna meta n-numri jerġgħu jiżdiedu.

Jalla l-Gvern jieqaf iħares lejn is-settur tat-trasport b’mod partiġjan u f’dan is-settur ifittex it-triq tal-kunsens li tħares u tippjana fit-tul għal ħafna aktar minn ħames snin.

Ix-Shadow Minister għat-Trasport u l-Mobbiltà qal li hekk fittxejna li nagħmlu u hekk ħa nibqgħu nfittxu li nagħmlu fil-proċess ta’ konsultazzjoni li l-Ministru qal li se jkun qed iniedi u li fih l-Partit Nazzjonalista se jfittex li jipparteċipa b’mod attiv.