Lokali

“Nieħdu deċiżjonijiet biex pajjiżna jimxi ‘l quddiem” – Bernard Grech

Sejħa ċara mill-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem – il-pajjiż jeħtieġ responsabbiltà fiskali, nagħżlu l-prijoritajiet, u ppjanar long-term fl-użu ta’ fondi pubbliċi.

Kien dan is-sentiment komuni li ħareġ mil-laqgħa li saret bejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u l-MEA ftit ġimgħat biss ‘il bogħod mill-Budget 2025, li mistenni jkun ippreżentat fil-Parlament fil-ġimgħat li ġejjin.

Waqt din il-laqgħa, Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista waħdu ma jistax jasal mingħajr l-għajnuna tal-imsieħba soċjali kollha. Hu fakkar li t-triq responsabbli għandha tkun ibbażata fuq deċiżjonijiet ċari: li t-tmexxija ta’ pajjiżna tisma’ u taġixxi favur iċ-ċittadini.

Kien hawnhekk fejn Bernard Grech wiegħed lill-MEA li se jkun qed jisma’, jevalwa, u japplika d-deċiżjonijiet li pajjiżna għandu bżonn sabiex jimxi ‘l quddiem.

L-MEA ppreżentat għadd ta’ proposti għal futur aħjar għas-suq tax-xogħol, bid-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni, Kevin J. Borg, jgħid li jeħtieġ investiment favur l-infrastruttura, mhux biss għall-Maltin u l-Għawdxin iżda anke għall-barranin – xi ħaġa li teħtieġ tkun fuq bażi long-term.

Fil-laqgħa ssemma’ kif l-idea ta’ kompettitiva b’mod kummerċjali qed tbati. Dan apparti li hemm anke telf ta’ talent li qed jagħżel li jitlaq minn pajjiżna u jmur jgħix barra minn Malta – inkluż ħafna żgħażagħ u professjonisti.

L-MEA tkellmet dwar l-importanza li jkun hemm tibdil serju fil-pjan ekonomiku, filwaqt li ssir diskussjoni ta’ veru bejn l-imsieħba soċjali kollha.

Proposti oħra qed jiffukaw fuq il-kwalità tal-ħajja, il-ħiliet u t-teknoloġija, u anke t-tisħiħ fil-labour force.

Dan apparti li saru appelli biex ma jintefqux flus fix-xejn sabiex jinħoloq hype meta l-proposti ma jiġux applikati fil-ħajja ta’ kuljum; u hawn issemmiet il-proposta tal-metro, li l-Gvern ħalliha fuq l-ixkaffa wara tant ftaħir qabel l-elezzjoni ġenerali.

Intant, preżenti għal din il-laqgħa mal-MEA kien hemm ukoll ix-Shadow Ministers Jerome Caruana Cilia u Graham Bencini, u membri oħra tal-Malta Employers’ Association.