“Il-Malti lsien pajjiżna u rridu niddefenduh fl-Ewropa u ser nagħmel minn kollox għal dan.”
Hekk stqarr il-Membru Parlamentari Ewropew, Peter Agius, hekk kif saħaq l-importanza tal-użu tal-lingwa Maltija fi ħdan il-Parlament Ewropew. Agius kompla jgħid li waħda mill-ewwel inizjattivi li ħa f’postu bħala MEP, kienet li ltaqa’ mad-Direttriċi Ġenerali għall-Interpretazzjoni fil-Parlament Ewropew. Agius kompla jgħid li waqt il-laqgħa tiegħu mad-Direttriċi Ġenerali, hu spjegalha ċar u tond li l-Parlament irid jitkellem il-Malti.
“Id-DG Agnieska Walter Drop spjegat li wara l-inċidenti li kien hemm aktar kmieni din is-sena b’nuqqas ta’ interpreti, issa qed isir ħafna aktar sforz, tant li l-Parlament Ewropew għadu kemm approva grant speċjali ta’ €40,000 lill-Università ta’ Malta biex ngħinu fit-taħriġ għal interpreti ġodda Maltin. Infetaħ ukoll taħriġ speċjalizzat għall-Maltin biex jitħarrġu fis-sengħa tal-interpretazzjoni direttament fi Brussell. Dan kollu qed isir grazzi għall-pressjoni li għamilna favur il-Malti,” iddikjara Agius.
Madankollu, l-MPE Peter Agius stqarr li issa qed jistenna wkoll li l-Gvern Malti jagħmel il-parti tiegħu, kemm billi jappoġġja bi sħiħ dawn l-isforzi kif ukoll billi jara li huwa stess fil-fatt juża l-Malti, kemm internament kif ukoll fil-komunikazzjoni mal-istituzzjonijiet Ewropej.
Peter Agius ikkonkluda jgħid li “llum huwa l-Jum Ewropew tal-Lingwi fejn l-Ewropa trid tirrikonoxxi li jekk ma titkellimx il-lingwi tal-popli tkun bla vuċi”.
//= $special ?>