Internazzjonali

Stati Uniti: Il-Partit Repubblikan f’tilwima ma’ Zelensky dwar ‘indħil qabel l-elezzjoni’

Fl-aħħar sigħat eskalat tilwima bejn il-Partit Repubblikan fl-Oppożizzjoni u l-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, li ilu l-aħħar jiem għaddej bi żjara fl-Istati Uniti.

F’dan il-każ, ir-Repubblikani qed jgħidu li ż-żjara partikulari saret bil-ħsieb li Zelensky ‘iżid l-appell tad-Demokratiċi’ – u fost akkużi li l-Mexxej Ukren hu ‘parti minn strateġija ta’ ndħil minn barra’ qabel il-poplu Amerikan, f’Novembru, jivvota għal President Amerikan ġdid.

Mike Johnson, bħala Speaker Repubblikan tal-Kamra tar-Rappreżentanti f’Washington, insista, sadanittant, biex l-Ukrajna tkeċċi lill-Ambaxxatur tagħha għall-Istati Uniti.

U r-rabja tar-Repubblikani żdiedet wara li Zelensky żar fabbrika li tipproduċi l-armi fi Scranton; il-belt f’Pennsylvania fejn twieled il-President Amerikan attwali Joe Biden.

L-Istat ta’ Pennsylvania hu wieħed importanti fi kwalunkwe elezzjoni presidenzjali u meta hu indikat bħala ‘swing state’ li kapaċi jiddeċiedi r-riżultat finali. Fl-istess ħin, ir-Repubblikani kkritikaw bil-qawwi l-fatt li Zelensky, waqt iż-żjara fil-fabbrika, kien akkumpanjat minn diversi uffiċjali ewlenin tal-Partit Demokratiku.

Xi osservaturi newtrali, sadanittant, qalu li r-Repubblikani jistgħu qed iħossu l-pressjoni minħabba li l-Viċi President Amerikan Kamala Harris, il-kandidat tal-Partit Demokratiku għall-White House, għadha qed iżżomm vantaġġ minimu fuq l-Eks President u sfidant Repubblikan Donald Trump, skont l-aħħar stħarriġ popolari.

Sadanittant, Mike Johnson qed jilmenta għall-fatt li ż-żjara ta’ Zelensky fl-Istati Uniti setgħet issir bħala ‘eżerċizzju ta’ propaganda għad-Demokratiċi’ fi żmien meta ħafna Amerikani għadhom indeċiżi dwar kif  huma għandhom jivvutaw fi ftit ġimgħat oħra.

Volodymyr Zelensky, bħalissa, qed iħejji għal laqgħa mal-President Biden u fejn hu kellu jippreżenta ‘pjan għal rebħa’ fil-gwerra tal-Ukrajna mar-Russja, Madankollu, it-tensjoni relatata mal-issue tiegħu mar-Repubblikani kważi neħħiet l-attenzjoni tal-midja minn fuq dan l-avveniment sinifikanti.

Hu minnu wkoll li Zelensky qed iżid fl-isforzi biex jipperswadi lill-Istati Uniti u lill-Alleati oħrajn tal-Punent biex jagħtu aktar appoġġ militari u finanzjaru lill-Ukreni – u li bih huma jkunu jistgħu  jirreżistu aħjar il-Magna tal-Gwerra ta’ Vladimir Putin.

U l-President Biden, issa, ħabbar li l-Istati Uniti għandha tibgħat aktar għajnuna miliari – ekwivalenti għall-biljuni – lill-Ukrajna, fi żmien meta l-Presidenza tiegħu waslet kważi fi tmiemha. Din l-għajnuna għandha tinkludi l-missili Patriot għal kontra l-attakki mill-ajru flimkien ma’ munizzjon għal fuq id-distanzi twal.

Intant, l-attakki tar-Russi fuq l-Ukrajna komplew f’dawn il-jiem li Zelensky ilu għaddej biż-żjara fl-Istati Uniti u meta diversi reġjuni – fosthom Sumy, Odesa u Kiev – kollha ġarrbu xita ta’ drones u missili minn jum għall-ieħor.