Lokali

Tlett irġiel arrestati b’rabta ma’ sparatura f’Baħar iċ-Ċagħaq

Matul il-lejl bejn l-Erbgħa u l-Ħamis  il-Pulzija arrestat tliet irġiel wara li allegatament sparaw tiri fid-direzzjoni ta’ xulxin.

Kien għall-ħabta tal-10:30pm, meta l-Pulizija waslu fi Triq Santa Klara fil-limiti ta’ Baħar iċ-Ċagħaq,  fejn sabu xatba ta’ residenza mkissra …u xi persuni fil-post.

Mill-istħarriġ li sar, irriżulta li raġel ta’ 41 sena residenti Ħal Qormi, allegatament, saq u kisser ix-xatba ta’ propjeta privata b’vettura.

Hu niżel mill-karozza u allegatament spara xi tiri lejn ir-residenza, fejn kien hemm żewġt irġiel u tliet nisa.

Fortunatamnt  ħadd minnhom ma weġġa’ fl-isparatura.

Immedjatament bdiet tfittxija għall-vettura tat-tip Mercedes, u għall-persuna li kien ħarab mill-post.

L-allegat aggressur ta lilu nnifsu lill-Pulizija għall-ħabta tas-2:30a, meta mar fl-Għassa ta’ Ħal Qormi u ġie arrestat.

Jirriżulta li meta kien mitkellem mill-Pulizija, huwa qal li ġew sparati xi tiri fid-direzzjoni tiegħu miż-żewġt irġiel li kienu fir-residenza ta’ Baħar iċ-Ċagħaq – iżda hu ma weġġax.


Aktar tard, instabet il-vettura tar-raġel ta’ 41 sena pparkjata fi Triq il-Kosta fejn kellha diversi ħsarat, kif ukoll marki kompattibbli ma’ tiri ta’ arma tan-nar.

Fil-vettura  ma nstabet l-ebda arma.

Eventwalment, il-Pulizija marret lura fir-residenza ta’ Baħar ic-Caghaq fejn sabu senter u arrestaw żewġt irġiel, li għandhom 64 u 35 sena.


Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat Joe Mifsud li ħatar inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.