Il-President Vladimir Putin sostna li r-Russja qed tikkunsidra attakk minn stat li m’għandux armi nukleari… u li jkun appoġġjat minn pajjiż b’armi nukleari… bħala “attakk konġunt”. Din id-dikjarazzjoni qed tiġi interpretata bħala theddida għall-użu ta’ armi nukleari fil-gwerra kontra l-Ukrajna.
L-Erbgħa bil-lejl, il-President Russu qal li l-gvern tiegħu qed jikkunsidra li jbiddel ir-regoli u l-kundizzjonijiet dwar l-użu ta’ armament nukleari. Dan minħabba li l-Ukrajna qed tirċievi appoġġ militari mill-Istati Uniti, u minn pajjiżi oħra armati b’armi nukleari.
Il-kummenti tiegħu waslu hekk kif Kiev qed tfittex l-approvazzjoni biex tuża missili tal-Punent għal fuq distanza twila kontra siti militari fir-Russja.
Fil-fatt, il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky ivvjaġġa lejn l-Istati Uniti u għandu jiltaqa’ mal-President Amerikan Joe Biden, f’Washington, il-Ħamis, fejn it-talba ta’ Kiev mistennija tkun fuq l-aġenda.
L-alleat ewlieni tar-Russja – iċ-Ċina – ukoll sejħet dan u għall-kalma. Rapporti qalu li l-President Xi Jinping wissa lil Putin kontra l-użu ta’ armi nukleari.