Sport

Dimm jirbaħ il-Fully Crewed Figure of 8 Race

Il-Fully Crewed Figure of 8 Race, ospitata mir-Royal Malta Yacht Club nhar is-Sibt li għadda, tat sfida b’saħħita hekk kif il-flotta ltaqat ma’ kundizzjonijiet ta’ riħ eċċezzjonalment ħfief. Diversi dgħajjes irtiraw kmieni dawn il-kundizzjonijiet.

Taħt id-direzzjoni tal-Uffiċjal tat-Tlielaq Michelle Caruana, il-flotta ħarġet mill-Port ta’ Marsamxett fuq korsa ta’ 55 mil nawtiku. Ir-rotta ħadithom lejn in-nofsinhar ta’ Malta, madwar Filfla u Kemmuna qabel ma rritornaw lura fir-Royal Malta Yacht Club.

JYS Jan, taħt it-tmexxija ta’ Claudio Bugeja, kellha bidu b’saħħita u kienet fost dawk ta’ quddiem fil-bidu tat-tellieqa. Madankollu, 20 mil ‘il barra hi tilfet ftit pożizzjonijiet. Wara l-gżira ta’ Filfla, l-ekwipaġġ żagħżugħ reġa’ mexa ‘l quddiiem minkejja li l-irjieħ saru eħfef u aktar imprevedibbli.

Sat-8pm, ir-riħ kien kważi sparixxa, u wassal biex diversi dgħajjes jirtiraw. Madankollu, dawk li pperseveraw ġew ippremjati għall-ħabta tal-10 ta’ filgħaxija meta fl-aħħar it-temp beda jimtela’ bir-riħ. It-tliet dgħajjes li kien fadal – Dimm (Kevin Pisani Zammit) , Miame Too (Ralph Landwehr), u JYS Jan – impenjaw ruħhom f’kompetizzjoni mill-qrib, u kontinwament biddlu l-pożizzjonijiet matul il-lejl.

Mat-tlugħ ix-xemx, it-tliet dgħajjes baqgħu miġbura ħdejn xulxin hekk kif laħqu l-kosta tal-Lvant ta’ Malta, fejn kienu għadhom jiġġieldu għall-vantaġġ. Miame Too, ta’ Ralph Landwehr, kien l-ewwel li spiċċa t-tellieqa, segwit mill-qrib minn Dimm u JYS Jan. Wara li ġew applikati l-korrezzjonijiet tal-ħin, Dimm ħareġ bħala r-rebbieħ ġenerali.  JYS Jan u Miame Too spiċċaw fit-tieni u t-tielet post rispettivament.

L-ekwipaġġ ta’ Dimm kien magħmul minn Kevin Pisani Zammit, Andrew Abela, Andrew Calleja, Liam Grech, Luca Agius, u Julian Catania.

Minkejja li tilef l-ewwel post b’16-il minuta, Claudio Bugeja, skipper ta’ JYS Jan, kien soddisfatt bir-riżultat.

Notevolment, it-Tim tat-Tmexxija tat-Tlielaq, kien jikkonsisti minn tim kollu femminili – Michelle Caruana, Karina Galicka, Neity Maddock u Moira Paitoni – li jenfasizza aktar id-diversità u l-inklussività fi ħdan l-isport.