Wara li fl-aħħar jiem il-Prim Minsitru Robert Abela ta ħjiel li l-iskema Stabbiltà se jkun qiegħed iwaqqafha, minkejja li ftit qabel kien saħaq li se jsostniha, bosta Maltin u Għawdxin qed jistaqsu kif b’mod mill-aktar effettiv se jkun qiegħed jissalvagwardja l-interessi tal-familji quddiem il-kriżi tal-għoli tal-ħajja.
Dan hekk kif diversi persuni qed jistennew id-diskors tal-Budget għas-sena 2025, li mistenni jitwassal lejn l-aħħar tax-xahar ta’ Ottubru; budget li l-imsieħba soċjali qed jiddeskrivuh bħala wieħed essenzjali sabiex pajjiżna jbiddel ir-rotta li jinsab fiha, wara li l-Gvern daħħalna f’Excessive Deficit Procedure.
Il-Ġimgħa filgħodu Net News staqsa lis-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Andy Ellul, x’passi se jkun qiegħed iħabbar il-Gvern minn hawn u ftit tal-ġimgħat oħra quddiem is-sejħa tal-imsieħba soċjali.
Ellul faħħar il-mudell ekonomiku li Gvern tal-Labour mexa bih tul dawn is-snin, minkejja ż-żieda fil-popolazzjoni u n-nuqqas ta’ investiment fl-infrastruttura. Madanakollu għad-domanda ta’ Net News dwar kif se jgħin b’mod dirett lil familji Maltin u Għawdxin… Ellul stedinna nistennew id-diskors tal-budget.
Intant, mistoqsi meta l-Gvern se jkun qed jippubblika l-istudju li bih iddeċieda li jpoġġi restrizzjonijiet fuq ħaddiema minn pajjiżi terzi u li jaħdmu bħala xufiera tal-cabs jew couriers… Andy Ellul ma kienx jaf iwieġeb, u saħaq li dan ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tiegħu.
//= $special ?>