Lokali

“Għada l-pubbliku għandu jistenna numru ta’ sorpriżi” – Lorella Cuccarini

Una Notte Con le Stelle fuq il-Fosos tal-Furjana

Ċertament li dawk kollha li se jkunu qed jattendu għall-ispettakklu tas-sibt fuq il-Fosos tal-Furjana se jgħixu esperjenza li diffiċli jinsew – nittama li dan ikun il-bidu ta’ xi ħaġa annwali.

Sostniet dan ma’ Net News ir-reġina Taljana tal-ispettaklu, għal qalb bosta Maltin u Għawdxin, Lorella Cuccarini hekk kif is-Sibt filgħaxija se tkun qed tippreżenta s-serata ‘Una Notte Con Le Stelle’ fuq il-Fosos tal-Furjana flimkien mal-preżentatur Keith Demicoli.

Cuccarini spjegat li din se tkun serata mimlija emozzjonijiet bl-eżebizzjonijiet ta’ Ricchi e Poveri, Riccardo Fogli, Matia Bazar u Al Bano.

Lorella Cuccarini saħqet li tinsab kuntenta li sa fl-aħħar se tkun qed tipparteċipa f’xow f’pajjiżna hekk kif mhux l-ewwel darba li ltaqgħet ma’ Maltin li huma stess kienu jżuruha l-Italja sabiex jattendu għal spettakli tagħha.

Mistoqsija jekk l-ispettaklu tas-Sibt filgħaxija hux se jkun il-bidu ta’ appuntament ta’ kull sena, Lorella Cuccarini saħqet li tispera li verament din issir realtà u esprimiet il-ħerqa tagħha li jekk dan iseħħ…. tippreżentah għal darb’oħra hi.

L-avveniment tas-Sibt filgħaxija mhux biss qed jitqies bħala kunċert mużikali imma lejla ta’ kultura Taljana li se tgħaqqad żewġ pajjiżi flimkien.