Lokali

Id-dejn tal-Gvern uffiċjalment qabeż l-€10 biljun – PN

Ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li sa Awwissu ta’ din is-sena, għall-ewwel darba, id-dejn tal-Gvern qabeż l-€10 biljun. Dan hu rekord fl-istorja ta’ pajjiżna. Malta qatt ma kellha tant dejn.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Ministers Jerome Caruana Cilia u Graham Bencini.

In-nefqa tal-Gvern żdiedet b’€504 miljun fl-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.

L-interessi li l-Gvern kellu jħallas fuq id-dejn fl-ewwel tmien xhur tas-sena żdiedu b’€40 miljun meta mqabbel mas-sena l-oħra. It-total ta’ interessi fuq id-dejn fi tmien xhur qabeż il-€173 miljun.

Qed inħallsu ftit anqas minn €720,000 f’interessi fuq id-dejn kuljum. Dawn hu rekord fl-istorja ta’ Malta.

Fl-aħħar sena, il-Gvern ta’ Robert Abela żied id-dejn bi €847 miljun. Dan ifisser li id-dejn qed jiżdied bi kważi €4 miljun kuljum.

Meta Robert Abela laħaq Prim Ministru, wara r-riżenja ta’ Joseph Muscat, id-dejn tal-pajjiż li akkumula mill-1964 ‘l hawn kien €5.7 biljun. F’anqas minn ħames snin, il-Gvern Laburista ta’ Robert Abela għamel €4.35 biljun dejn. Dan ifisser li taħt Robert Abela, kważi rdoppja d-dejn nazzjonali.

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jtenni li l-Gvern għandu jelimina t-taxxa tal-korruzzjoni u jara li l-finanzi jkunu sostenibbli.  

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti li dan id-dejn kollu hu mażżra ma’ uliedna u ulied uliedna. Dan minbarra li livell għoli ta’ dejn igerrex l-investiment. Ħasra li l-flus tal-poplu qed jibqgħu jitberbqu bl-addoċċ u li l-kultura tal-“ma jimpurtanix, kulħadd qed jitħanżer” qed titħallas minn flus il-poplu. Hu anke għalhekk li, minbarra li hu etiku u moralment ġust, Robert Abela u sħabu għandhom jaraw li dak li nsteraq minn pajjiżna jiġi lura.