Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, ikkonfermat sentenza ta’ 10 xhur ħabs fil-konfront ta’ raġel ta’ 54 sena minn Ħal Qormi wara li nstabet id-droga fiċ-ċella tiegħu. Mark Pace huwa persuna magħrufa sew mal-Pulizija fejn diġà kien ġie kundannat għall-piena ta’ priġunera f’disa’ okkażjonijiet oħra.
Huwa nstab ħati li kellu madwar 12-il gramma raża tal-cannabis fiċ-ċella tiegħu fil-Faċilità Korretiva ta’ Kordin. Id-droga kienet instabet f’pakkett taċ-ċikkulata ‘Maltesers’. Il-każ kien seħħ fil-21 ta’ Novembru 2013 meta saret spezzjoni fiċ-ċella ta’ Mark Pace fejn hemm insabu 11.89 grammi raża tal-cannabis.
Waqt l-ispezzjoni l-uffiċjali inkwistjoni sabu borża ta’ ċikkulatini li kien fiha ħames blokki ta’ raża tal-cannabis. Dwar dan, jirriżulta li nfetħet Inkjesta Maġisterjali fejn ġew appuntati diversi esperti. Pace ikkontesta l-fatt li l-laboratorju fejn saret l-analiżi għad-droga ma kienx wieħed akkredit fl-isfera internazzjonali meta saret l-analiżi għad-droga.
Tenna li dan in-nuqqas ta’ akkreditament ma jagħtihx is-serħan tal-moħħ u li l-istess analizzar, ġbir u riżultanzi miksuba jilledu d-drittijiet fundamentali tiegħu u dana peress li mhumiex konformi mal-liġi. Jisħaq li l-analizzar tad-droga mix-Xjenzat Godwin Sammut f’laboratorju mhux akkreditat, ifisser li mhux qed jiġu osservati l-istandards Ewropej.
Pace qal li dan iwassal sabiex inħolqu dubji serji fuq l-eżami tad-droga u eventwalment fir-rapport tal-istess Xjenzat. Filwaqt li l-Qorti tal-Appell ikkwotat sentenza oħra tal-Qorti, qalet li kollox sar skont il-liġi u għalhekk warrbet dawn it-talbiet, kif warrbet ukoll it-talbiet ta’ Pace li l-piena kienet waħda eċċessiva, għax din kienet skont il-parametri tal-liġi.
Ir-raġel kien tressaq mill-Assistent Kummissarju, dakinhar Spettur, Dennis Theuma, u l-Ispettur Spiridione Zammit. Huma qalu li għall-ħabta tas-1.45pm, erba’ uffiċjali tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wettqu spezzjoni ta’ rutina fiċ-ċella 205 f’diviżjoni 5.
Ilu jpejjep il-ħaxixa sa mill-età ta’ 15-il sena
Waqt l-ispezzjoni nstabet borża taċ-ċikkulata ‘Maltesers’ li kien fiha ħames blokok tar-raża tal-cannabis. Mix-xhieda tal-Ispettur Spiridione Zammit, jirriżulta wkoll li fl-istess jum li fih instabet is-sustanza fiċ-ċella tal-imputat kienu qed isiru wkoll investigazzjonijiet fil-konfront ta’ priġunier ieħor, ċertu Stephen Abdilla, li kien instab fil-kumpanija tal-imputat meta l-gwardjani tal-ħabs daħlu fl-istess ċella.
Skont ix-xhud, dan rema xi ħaġa minn ħalqu. Meta l-akkużat ġie mistoqsi dwar il-biċċiet kannella li nstabu fil-pakkett tal-Maltesers fiċ-ċella tiegħu dakinhar stess, qal li dawn huma biċċiet ta’ ‘smoke’ u li kien bi ħsiebu jpejjiphom hu għax huwa kien ilu jpejjep l-ismoke minn meta kellu 15-il sena.
Qal ii din kienet ilha għandu xi disat ijiem u li kien xtraha mill-ħabs billi partatha ma’ tmien boroż tabakk. Qal ukoll li kien partatha ma’ priġunier u li tagħha kien jagħtih żewġ boroż fil-ġimgħa. Saħaq li kien se jpejjipha ftit kuljum u li sa dakinhar stess, filgħodu, kien pejjep minnha fiċ-ċella u li daħlu l-uffiċjali fuqu u xammewha, kif ukoll illi ħdejh kien hemm priġunier ieħor, Stephen Abdilla, li sussegwentement tqiegħed f’diviżjoni 6.
Pace qal li ma jafx jekk Abdilla kienx qed ipejjep il-ħaxixa. U meta ġie ssuġġerit lilu li kien hu li tah il-ħaxixa li kien qed ipejjep, huwa ċaħad. Tenna li normalment huma kienu jpejpu sigaretti tal-brim. Mistoqsi kienx jaf jekk kellux sigarett imqabbad f’ħalqu qabel daħal fiċ-ċella tiegħu, jew jekk qabbadx il-ħaxixa fiċ-ċella tiegħu, l-imputat jgħid li ma kienx jaf, u li Abdilla kien qed jieħu kafè għandu u mistoqsi jekk Abdilla kienx bela’ l-ħaxixa f’ħalqu kif daħlu fuqhom, huwa jgħid li ma tax każ għax huwa kien ħdejn il-bieb taċ-ċella.
Mistoqsi kemm kienx ilu jpejjep ħaxixa fil-ħabs, huwa jgħid li minn meta daħal tliet ġimgħat qabel, huwa xtara r-raża tal-cannabis wara xi erbat ijiem u pejjep kuljum. B’referenza għar-raża li nstabet fil-pussess tiegħu, huwa jgħid li din kien fiha naqra inqas minn lighter tas-sigaretti, qattagħha biċċiet u għamilha fil-pakkett tal-Maltesers.
Tenna li minn meta kellu 15-il sena pejjep il-ħaxixa kuljum. Mistoqsi jekk ġieli għaddiex ħaxixa lil xi ħadd fil-ħabs, huwa qal li dik li sabulu kienet għalih “u li dik jien inpejjipha f’jumejn jew ġurnata. Jien ma npejjipx sigaretti, inpejjep lilha”, u sostna li hu kellu ħafna ħabs, u li kien għadu kif weħel 12-il sena priġunerija u ried jinsa għax moħħu baqa’ jaħseb.
Id-droga li nstabet fil-pussess tal-imputat kienet tikkonsisti f’ħames biċċiet tar-raża tal-cannabis, f’piż rispettiv ta’ 1.68 grammi, 2.80 grammi, 1.86 grammi, 4.33 grammi u 1.22 grammi, b’kollox f’total ta’ 11.89 grammi, b’purità ta’ 7% li, skont ix-xhieda tax-Xjenzat Godwin Sammut, kienet waħda normali.
Pace ma nsabx ħati la mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras u lanqas mill-Qotti tal-Appell Kriminali li sar reċidiv. Hu ġie ordnat iħallas fi żmien sitt xhur b’€308.32 fi spejjeż tal-Qorti. Il-Qorti ordnat ukoll id-distruzzjoni tad-droga.
//= $special ?>