Id-devozzjoni lejn il-Madonna taħt it-titlu ‘tal-Qalb iMqaddsa ta’ Ġesù’, magħrufa popolarment bħala l-Madonna tas-Sacro Cuor, twieldet fi Franza fl-1862.
Ġiet introdotta f’Malta fil-Knisja Arċipretali u Parrokkjali tal-Floriana, permezz tal-qassis Furjaniż ir-Rev. Dun Emmanuele Grech li kien il-promotur bla serħan ta’ din id-devozzjoni ġdida għal Malta, fl-1874 meta bil-ħidma tiegħu twaqqfet kanonikament f’din il-knisja l-Pia Associazione di N. SIGNORA DEL SACRO CUORE DI GESU’ jew, kif deher f’traduzzjonijiet aktar tard bil-Malti, il-Konfraternità tal-Madonna tal-Qalb ta’ Ġesù.
Fi żmien qasir saret pittura tal-Madonna tal-Madonna tas-Sacro Cuor minn Pietro Gagliardi kif ukoll statwa tal-injam li tixbaħ lill-istess pittura. Bil-permess ta’ Monsinjur Vigarju Kapitolari, il-kwadru ġdid tal-Madonna tas-Sacro Cuor ġie espost fuq l-altar maġġur tal-Knisja Arċipretali ta’ San Publju taħt tużell maestuż għal ħmistax-il ġurnata, mill-Ħadd, 13 ta’ Settembru sal-Ħadd, 27 ta’ Settembru, 1874, u din il-kwindiċina fissret it-twelid tad-devozzjoni lejn il-Madonna tas-Sacro Cuor f’Malta.
Fil-Knisja Arċipretali u Parrokkjali ta’ San Publju wieħed isib artal laterali ddedikat lill-Madonna taħt dan it-titlu kif ukoll statwa tal-injam tal-Madonna tal-Qalb iMqaddsa ta’ Ġesù.
//= $special ?>