Internazzjonali

Il-gwerra ta’ Iżrael mal-Ħeżbollah: Jiżdiedu bil-mijiet il-mejtin fil-Libanu, bil-bumbardamenti jissuktaw

Palestinians walk through destruction by the Israeli bombardment in the Nusseirat refugee camp in Gaza Strip, Tuesday, Jan. 16, 2024. (AP Photo/Adel Hana)

L-Uffiċjali fil-Libanu qalu li, min-nhar it-Tnejn ‘il hawn, inqatlu ‘l fuq minn 1,000 Lebaniż – milizji u daqstant ieħor ċivili – fost il-jiem konsekuttivi ta’ bumbardamenti u attakki regolari mill-qawwiet tal-ajru ta’ Iżrael.

Dan ukoll waqt li l-Ħeżbollah qed ikompli jispara l-missili lejn l-ibliet Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera tal-Libanu f’sitwazzjoni li rriżultat fl-eluf kbar tar-refuġjati f’dawn iż-żewġ pajjiżi.

U waqt li l-konflitt mhux qed inaqqas mill-intensità, il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, qal li d-diplomatiċi ta’ pajjiżu kienu għaddejjin bit-taħditiet mar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti biex, flimkien, jevalwaw l-inizjattiva tal-Amerikani għal waqfien mill-ġlied fil-Libanu.

Aktar qabel, Netanyahu kien ħeġġeġ lill-qawwiet tiegħu biex ‘ma jagħtux nifs’ lill-gwerillieri Xiti tal-grupp Ħeżbollah, ibbażati fil-Libanu u li huma alleati ewlenin tal-Iran fundamentalista.

Madankollu, il-pressjoni qed tikber fuq Netanyahu u l-Gvern tiegħu biex isibu soluzzjoni għall-eluf tal-familji li kienu kostretti li jaħarbu minn djarhom fl-ibnadi ta’ Iżrael li qed imissu mal-Libanu. Dawn l-Iżraeljani spiċċaw f’sitwazzjoni ddisprata minħabba t-theddida li jispiċċaw fl-eqqel tal-burraxka tal-missili tal-Ħeżbollah jekk huma jirritornaw fl-ibliet tagħhom.

Il-missili sparati minn Iżrael u l-Ħeżbollah, intant, għadhom qed jolqtu z-zoni fil-Libanu flimkien mal-ibliet tal-Iżraeljani.

Il-kelliema għall-Ħeżbollah qalu li l-missili tagħhom laqtu waħda miz-zoni ta’ Ilaniya, li tinsab bejn l-ibliet ta’ Haifa u Tiberias. Mifhum li dawn l-ibliet Iżraeljani wkoll sfaw mira għall-qawwiet tal-Ħeżbollah, iżda l-Iżraeljani ma rappurtaw l-ebda vittmi.

Attakkata l-infrastruttura tal-Ħeżbollah

Minn naħa tagħhom, il-qawwiet ta’ Iżrael mill-ġdid wettqu l-għexieren tal-attakki fuq il-faċilitajiet u l-infrastruttura tal-Ħeżbollah fin-Nofsinar tal-Libanu. Huma sostnew li rnexxielhom jeqirdu s-siti min fejn il-milizji Lebaniżi kienu qed jisparaw ir-rokits lejn Haifa u l-inħawi ta’ Krayot, fin-naħat ta’ fuq ta’ Iżrael.

U s-sitwazzjoni ma tidhirx li kellha tinbidel, proprju meta Benjamin Netanyahu qed iħejji għal diskors lill-pajjiżi tan-Nazzjonijiet Uniti – pajjiżi li lkoll esprimew l-inkwiet dwar l-impatt traġiku tal-gwerra fil-Libanu li qed iħalli anki riperkussjonijiet għal-Lvant Nofsani kollu.

L-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati qalet li aktar minn 30,000 persuna qasmu mil-Libanu lejn is-Sirja fi spazju ta’ 72 sigħat biss u meta l-maġġoranza assoluta tagħhom kienu Sirjani. F’din is-sitwazzjoni s-Sirjani spiċċaw jaħarbu minn pajjiż li qed jiffaċċja gwerra ġdida għal ieħor li ilu jiffaċċja kunflitt qattiel u fit-tul għal 13-il sena.

Fi żviluppi oħra, daħlu rapporti dwar il-qtil ta’ diversi suldati Sirjani waqt attakk fuq inħawi mal-fruntiera tal-Libanu mas-Sirja. L-osservaturi jaħsbu li l-azzjoni inkwadrat fl-istrateġija ta’ Iżrael li qed jaħseb biex jagħlaq ir-rotot min fejn l-armamenti provduti mill-Iran qegħdin jaslu lill-Ħeżbollah min-naħa tas-Sirja.