Internazzjonali

Il-Libanu: Aktar splużjonijiet f’Bejrut, b’Netanyahu iwissi lill-Heżbollah u lill-Iran

Ritratt: BBC

Il-qawwiet ta’ Iżrael qed ikomplu jattakkaw Bejrut, il-kapitali ta’ Iżrael, anki waqt li l-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu ħalef  biex ikompli jiġġieled lill-milizji Xiti tal-Ħeżbollah akkost ta’ kollox.

L-aħħar attakki konċentraw fuq il-kwartieri ċentrali tal-Ħeżbollah fil-kapitali Lebaniża u li jingħad li jinsabu taħt l-artijiet għall-bini residenzjali.

Intant, Netanyahu qal li Iżrael mhux se jistrieħ sakemm jirritornaw l-eluf tal-Iżraeljani li kellhom jaħarbu mill-inħawi ta’ pajjiżhom li qed ikunu bumbardjati mill-Ħeżbollah.

Fl-istess ħin, hu informa lill-Mexxejja tad-Dinja preżenti għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li ‘Iżrael qed jirbaħ din il-gwerra’. Fil-fatt, xi sorsi issa konfermaw li l-qawwiet tal-ajru Iżraeljani qerdu kważi għal kollox villaġġ fil-Libanu li baqa’ mhux identifikat.

Sadanittant, Netanyahu qal li jrid juri il-verità tal-fatti lill-Mexxejja tad-Dinja wara li Iżrael spiċċa suġġett għal ħafna ‘qlajjiet u kalunji’.

Hu fakkar fl-attakki terroristiċi tas-7 ta’ Ottubru mill-Ħamas fuq Iżrael bħala ‘simili għall-atroċitajiet tal-Olokawst’ waqt li ħalef biex isib u jsalva lill-ostaġġi Iżraeljani li ilhom minn dakinar f’idejn it-terroriti.

Netanyahu anki wissa lill-Ħeżbollah, l-Iran u gruppi oħrajn ta’ militanti li huma ostili għal Iżrael li ‘mgħandhom imkien fejn jistaħbaw’ filwaqt li sejjaħ biex l-Iran jispiċċa suġġett għas-sanzjonijiet ġodda biex ma jikkonkludix il-proċess għall-akkwist tal-armamenti nukleari.

Il-Prim Ministru Iżraeljan anki għamilha ċara li pajjiżu se jirbaħ ‘bi kbir’ il-gwerra kontra l-Ħeżbollah u l-Iran filwaqt li jelimina t-theddida preżenti għall-poplu ta’ Iżrael.