Lokali

Il-Malta Chamber of Psychologists organizzat t-tielet forum tagħha li ttratta fuq it-tema tal-vizzji

Il-Malta Chamber of Psychologists (MCP) organizzat it-tielet forum tagħha bit-tema Psychology of Addictions. L-attivita’ kienet miftuħa kemm għall-membri tal-MCP kif ukoll għall-pubbliku fejn kien hemm interess qawwi f’dan is-suġġett.

Il-vizzji huma problema serja li taffettwa l-individwi, familji u anke komunitajiet. Dan għaliex persuni b’vizzju ma jkunux kapaċi jikkontrollaw il-konsum tas-sustanzi. Il-vizzji jikkawżaw diżordni progressiva li taffetwa s-sistema tal-moħħ, il-motivazzjoni u l-memorja.

Eżempji ta’ vizzji jinkludu sustanzi bħal alkoħol, kafe’, kannabis u kokaina, iżda hemm ukoll dawk li ma jinvolvux sustanzi, bħal-logħob tal-azzard u xiri, fost oħrajn.

Matul l-avveniment, panel ta’ esperti pprovda tagħrif fuq aspetti varji dwar il-vizzji. Fost l-ispeakers kien hemm Dr Erika Galea, fundatriċi tal-Educational Neuroscience Hub Europe, li tkellmet fuq l-iżvillup tal-moħħ. Dr Matthew Berry, espert fit-trattament tal-vizzji u Dr Anna Marie Vella, konsulenta fil-mediċina tal-vizzji b’aktar minn tletin sena esperjenza fis-servizzi tas-Sedqa.

Fost il-kelliema kien hemm ukoll Ms Anna Catania, counsellor u terapista, Mr John Tabone, counsellor u senior executive fil-Malta Gaming Authority u Ms Stephanie Cascun, koordinatriċi għas-servizzi ta’ prevenzjoni fis-Sedqa. Diskussjoni interessanti segwiet il-preżentazzjoni imexxija minn Dr Chantal Avellino, li spjegat li l-għan tal-forum kien li jiddiskutu l-kumplessivita tal-vizzji u janalizza l-aħħar żviluppi għal prevenzjoni u ttrattament tagħhom.

Dan kien it-tielet forum organizzat mill-MCP wara s-suċess tal-ewwel forum fuq it-trauma kollettiva f’Mejju 2024 u t-tieni wieħed dwar il-psikoloġija tal-korruzzjoni f’Ġunju 2024.

Il-forum li jmiss se jiffoka fuq il-psikoloġija tal-anzjani u se jsir fit-22 ta’ Novembru 2024. Aktar dettalji ser jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin.

L-għan tal-Malta Chamber of Psychologists huwa li sservi bħala pjattaforma professjonali tal-psikoloġija f’Malta u bħala rapprezentanta għall-psikoloġi li jipprattikaw fil-pajjiż filwaqt li ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.