Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Mietet l-attriċi veterana Dame Maggie Smith fl-età ta’ 89 sena

L-attriċi veterana Dame Maggie Smith, famuża għall-partijiet tagħha fis-sensiliet tal-films Harry Potter u Downton Abbey, mietet fl-età ta’ 89 sena.

L-attriċi, li kienet qed tbati minn problemi tas-saħħa, mietet l-isptar u bl-ismijiet tat-televiżjoni u ċ-ċinema mal-ewwel jibagħtu l-messaġġi ta’ simpatija lil qrabatha u fejn huma faħħruha bħala attriċi brillanti u mill-aktar versatili.

Fil-fatt, Dame Maggie Smith hi magħrufa wkoll bħala ‘leġġenda tal-palk u taċ-ċinema’ u wara li hi rebħet żewġ Academy Awards (Oscars) minn Hollywood tul il-karriera tagħha.

Hi rebħet dawn l-unuri għall-interpretazzjonijiet tagħha fil-film The Prime of Miss Jean Brodie li kien ħareġ fl-1970, u fil-film California Suite, li ħareġ fl-1979.

Iżda minbarra r-rikonoxximent ta’ Hollywood, Dame Maggie kienet anki saret famuża ħafna mal-udjenzi ta’ età relattivament żgħażugħa – grazzi għar-rwol tagħha bħala l-Professur McGonagall fil-film Harry Potter and the Philosopher’s Stone li jibqa’ fost l-aktar segwiti fis-sensiela.

Fil-fatt, Smith kompliet b’dan ir-rwol fi produzzjonijiet oħrajn bit-tema Harry Potter u fejn hi kompliet tkabbar il-fama tagħha mal-ġenerazzjoni ġdida ta’ dilettanti taċ-ċinema.