Fi kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, iż-żgħażagħ jibqgħu essenzjali għal pajjiżna għaliex għandhom moħħ ħieles u liberu li kapaċi jimbuttaw il-limiti tas-soċjetà bil-ħolm tagħhom, il-kreattivà u l-enerġija.
Hekk saħaq Bernard Grech waqt żjara li għamel fil-Junior College, hekk kif din il-ġimgħa l-istituzzjonijiet post-sekondarji qed jorganizzaw ‘freshers week’.
Fil-Junior College madwar 1,200 student qedgħin jiffamiljarizzaw ruħhom mal-ħajja akkademika l-ġdida fuq il-kampus, hekk kif qed jibdew l-ewwel sena tagħhom f’din l-istituzzjoni.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mid-deputati tal-Partit Nazzjonalista Justin Schembri u Charles Azzopardi.
Fil-Junior College, Bernard Grech kellu l-opportunità li jiltaqa’ mal-Prinċipal tal-Kulleġġ Paul Xuereb, kif ukoll ma’ diversi studenti, għaqdiet u agenziji li joffru servizzi għaż-żgħażagħ.
L-istudenti minn naħa tagħhom kellhom iċ-ċans jitkellmu direttament ma’ Bernard Grech, u jaqsmu t-tħassib tagħhom dwar l-isfidi li qegħdin jaffaċċjaw ta’ kuljum.
Il-Kap tal-PN tkellem mal-istudenti dwar l-importanza tal-attivżmu fost iż-żgħażagħ fejn stieden lill-istudenti jkunu proattivi u jissieħbu f’għaqdiet li jaħdmu għat-titjib tas-soċjetà.
Hu qal li għandna napprezzaw is-servizzi li huma disponibbli għall-istudenti; kemm dawk li jgħinuhom fl-iżvilupp tal-karriera tagħhom kif ukoll dawk li joffru appoġġ għall-benesseri mentali.
Bernard Grech faħħar l-entużjażmu tal-istudenti u l-mod kif qegħdin jaffaċċjaw dawn l-isfidi b’ottimiżmu filwaqt li tenna li l-edukazzjoni hija l-muftieħ għall-prosperità personali u kollettiva, kemm għalihom kif ukoll għal Malta.
//= $special ?>