Meta kompla l-logħob tal-Europa League, kienu reġistrati għadd ta’ rebħiet fosthom minn Rangers u Tottenham Hotspur, waqt li Roma kisbu draw.
Fl-Eleda Stadion
Malmo 0 Rangers 2
B’gowl f’kull taqsima Rangers għelbu l-isfida Żvediża li bdiet faċli wara biss minuta logħob. Minn azzjoni ta’ Cyriel Dessers kien NEDIM BAJRAMI li għeleb lil Johan Dahlin għall-uniku gowl matul l-ewwel taqsima.
Fit-tieni taqsima kien ROSS McCAUSLAND li fis-76 minuta mill-ġdid għeleb lil Dahlin u għalaq il-partita.
Fit-Tottenham Hotspur Stadium
Tottenham Hotspur 3 Qarabaq 0
Partita li matulha Tottenham iddominaw għal ħinijiet twal minkejja li lagħbu bi plajer anqas għal tul il-partita wara li fit-tmien minuta r-referee Willy Delajod keċċa b’karta ħamra diretta lil Radu Dragusin. Fit-12-il minuta Tottenham marru fil-vantaġġ permezz ta’ BRENNAN JOHNSON li minn azzjoni ta’ Dominic Solanke għeleb lil Kochalski. Fit-52 minuta Tottenham irdoppjaw permezz ta’ PAPE MATAR SARR. Fit-58 minuta kien hemm penalty għal Qarabaq iżda TOTAL BAYRAMOV falla.
Fit-68 minuta minn azzjoni ta’ Heung Min Son kien DOMINIC SOLANKE li għeleb lil Mateusz Kochalski għat 3 – 0 u għalaq il-partita.
Fi Stadio Olimpico
Roma 1 Atletico Bilbao 1
Bla dubju li Roma u wisq aktar Ivan Juric stennew xi ħaga aktar minn riżultat ta’ draw l-aktar wara li fit-32 minuta Roma fetħu l-iskor meta minn azzjoni ta’ Angelino kien ARTEM DOVBYK li għeleb lil Julen Agirrezabala .
Fit-tieni taqsima aktar pressjoni minn Atletico Bilbao li fil-85 minuta minn pass ta’ Unai Nunez kien AITOR PAREDES li għeleb lil Mile Svilar għal 1 – 1
//= $special ?>