Lokali Qorti

Konfermati 20 xahar ħabs għall-fattiga li serqet ġojjellerija mid-dar li kienet tnaddaf

Fattiga ta’ 47 sena minn Raħal Ġdid kellha s-sentenza ta’ 20 xahar ħabs ikkonfermata mill-Qorti tal-Appell. Graziella Debono kienet instabet li serqet ġojjelli, li l-valur tagħhom iqarreb il-€5,000, waqt li kienet qed tagħmel xogħol ta’ tindif f’dar f’Raħal Ġdid.  

Il-mara kemm-il darba kisret idejha mal-liġi, kienet ġiet arrestata f’Novembru 2020 u akkużata b’serq aggravat u li saret riċediva, mill-ispetturi Jeffrey Scicluna u Paul Camilleri. F’Marzu li għadda l-mara kienet ammettiet fil-Qorti. Mas-sentenza ta’ ħabs, hija kienet ordnata tħallas lill-vittma €5,000. Iżda appellat mis-sentenza u argumentat li l-Ewwel Qorti kellha tqis li kkoperat mal-Pulizija u li kienet tabbuża mid-droga.

Fil-Qorti kien instema’ li kienet biegħet il-ġojjelli. Kien intqal li minkejja li ngħatat għadd ta’ opportunitajiet biex tħallas lura l-ammont misruq, hija ma għamlitx dan. Il-Qorti tal-Maġistrati kienet qalet li Debono kisret ukoll numru ta’ kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest u dan wassal għad-deċiżjoni tal-Qorti li tagħti sentenza ta’ ħabs.

Meta l-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Neville Camilleri qieset kollox, iddeċidiet li ma tilqax l-appell u kkonfermat il-piena fejn qalet li l-ewwel Qorti kienet korretta fis-sentenza tagħha. Hija kienet ammettiet li serqet l-oġġetti u wara, biegħethom lil ħanut tal-ġojjelliera għal €1,135. Ġojjellier maħtur mill-Qorti kienet sussegwentement ivvaluta l-oġġetti misruqa għal €5,325.

Kienu tkaxkru proċeduri sabiex Debono tingħata żmien biex iħallas, qalet il-Qorti, “iżda l-imputata ma ppruvatx tibda tħallas parti mis-somma dovuta, u minflok ippruvat tuża kull skuża possibbli. ”

Dan, flimkien mal-kundanni preċedenti tagħha għal reati simili ħafna, wassal lill-Qorti biex tikkonkludi li ma offriet l-ebda serħan tal-moħħ li qatt kienet se tikkumpensa lill-vittma u għalhekk il-Qorti ma kellhiex triq oħra ħlief tikkundannaha għal sentenza ta’ priġunerija.