Il-Partit Nazzjonalista jinnota li l-Gvern qed juri fiċ-ċar għal darb’oħra li l-edukazzjoni mhix prijorità.
Fil-fatt, hekk kif sejra tiftaħ sena akkademika ġdida, il-Gvern għadu ma wasalx biex jikkonkludi n-negozjati tal-Ftehim Kollettiv għall-MCAST, li ilhom għaddejjin għal dawn l-aħħar tliet snin. Dan in-nuqqas mhux biss qed ikompli jaffettwa b’mod negattiv lil-letturi u lill-gradi kollha involuti fin-negozjati, iżda jaffettwa wkoll lill-istudenti li jbatu minħabba kwalunkwe direttiva li jkun hemm kawża ta’ dan il-falliment mill-Gvern.
Il-fatt li wara snin ta’ diskussjonijiet għad m’hemmx soluzzjoni juri li għal Robert Abela u Clifton Grima, l-MCAST mhix prijorità biżżejjed. Din is-sitwazzjoni qed tħalli impatt negattiv fuq aktar minn 12,000 student u madwar 1,000 membru tal-istaff fi gradi differenti.
Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex jieħu din is-sitwazzjoni b’serjetà u b’sens ta’ responsabbiltà lejn il-futur tal-MCAST u tal-edukazzjoni f’pajjiżna.
Dan kollu ħareġ fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Minister Justin Schembri.
//= $special ?>