Internazzjonali

L-Istati Uniti: Periklu għall-ħajja kontinwa kaġun tal-Uragan Helene

L-Istati Uniti qed iġġarrab l-effetti ta’ wieħed mill-akbar uragani li qatt laqat ir-reġjun fl-aħħar snin. Intant, l-uragan, imlaqqam Helene, jidher qed inaqqas xi ftit mill-intensità wara li kien avvanza mill-Istat ta’ Florida u wara li l-qawwa tiegħu kienet indikata bħala ta’ kategorija erbgħa.

Iżda għalkemm l-aħħar elementi tal-uragan niżlu għal livell ta’ maltempata tropikali, l-esperti meteoroloġiċi wissew xorta dwar is-sogru kbir għall-ħajja tar-residenti.

Dan, meta fi kliem l-esperti tal-US National Hurricane Center, il-livell tal-maltemp seta’ jiżdied minn ħin għal ieħor waqt li qed javvanza aktar ‘il ġewwa fl-Istati Uniti.

Il-potenzjal għall-hekk imsejħa storm surges – meta l-uragan jieħu spinta għall-għarrieda – għadu effettiv u meta diversi lokalitajiet fl-Istati Uniti jinsabu taħt theddida diretta mill-elementi.

L-Uragan Helene anki qanqal l-aktar maltemp intensiv li qatt laqat iz-zoni tal-Gulf Coast u fejn, fl-aħħar sigħat, kompla javvanza mill-Istat ta’ Georgia fid-direzzjoni ta’ Tennessee u l-Istati ta’ North u South Carolina.

Dan waqt li l-awtoritajiet għall-emerġenzi fi Florida qed jippruvaw jikkontrollaw l-inċidenzi tal-għargħar huma u jevalwaw il-ħsarat mill-irwiefen fl-Istat partikulari.

Kienu anki konfermati xi mwiet fi Florida u f’Georgia kaġun tal-maltemp u meta mhux eskluż li ċ-ċifra tal-vittmi tiżdied ladarba l-awtoritajiet jagħmlu l-kalkoli kollha relatati mal-impatt tal-uragan.

Sadanittant, numru kbir ta’ toroq u djar sfaw mgħarrqin, b’numru ta’ familji fi Florida jkunu kostretti li jgħumu ‘l barra minn djarhom fost l-għargħar li beda jlaħħaq sa spallejhom.

Il-lejl tal-Ħamis u l-Ġimgħa kien partikularment diffiċli għar-residenti tal-lokalitajiet li spiċċaw fid-direzzjoni tal-Uragan Helene u meta l-aktar residenti li batew qed jgħixu fil-belt ta’ Tampa fi Florida u f’Wheeler County, fl-Istat ta’ Georgia.

L-osservaturi sadanittant jaqblu li l-aktar fattur distruttiv tal-maltemp issa se jinvolvi l-ħalbiet tax-xita intensivi waqt li l-elementi, fi tmiem il-ġimgħa, javvanzaw lejn il-Grigal tal-Istati Uniti u mill-Istati ta’ Georgia, Ternnessee u Kentucky. Huwa anki possibbli li tinżel sa 510 millimetri xita f’ċerti bnadi tal-Istati Uniti u li fost oħrajn għandha tirriżulta f’aktar inċidenzi ta’ għargħar għall-għarrieda.