Riċentament, mat-Times, il-Ministru Chris Bonett tkellem dwar ċertu ideat li l-Gvern qed jikkunsidra minħabba li l-pajjiż spiċċa iweħħel fit-traffiku f’kull ħin tal-ġurnata. Iżda jidher li dawn l-ideat ma tantx qed jinżlu tajjeb ma’ kulħadd.
Fil-fatt, nies mill-klikka ta’ Joseph Muscat u li issa ħadu over it-tmexxija fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, qed jgħidu li Chris Bonett ma tantx qed juri xi sens ta’ leadership, bil-wisq aktar mill-Ministru ta’ qablu.
Mat-Times, il-Ministru tat-Traffiku semma’ l-idea li jimponi forma ta’ taxxa ġdida għas-sewwieqa.
Iżda fuq il-midja soċjali, il-kunsilliera Laburista tal-Ħamrun, Maria Mallia, qalet li dawn huma ideat bla sens. “Jekk tinqala’ urġenza x’tagħmel? Tħallas extra?”
Din il-kunsilliera li taħdem mal-Ministru Miriam Dalli – qed tgħid li b’dawn l-ideat il-Gvern qisu se jpoġġi lin-nies arrestati f’darhom.
Intant, fl-intervista mat-Times, il-Ministru Bonett semma’ wkoll li fost l-inizjattivi u miżuri li qed jikkunsidra l-Gvern biex jindirizza l-problema tat-traffiku hemm inċentivi biex wieħed jagħti lura l-liċenzja tas-sewqan, trasport tal-massa fuq korsiji dedikati, b’servizz ta’ trasport pubbliku, b’karozzi tal-linja iżgħar li jgħaqqad iċ-ċentri tal-irħula ma’ din is-sistema, żieda fil-links marittimi biex il-baħar jintuża ħafna aktar bħala trasport alternattiv. Bil-PN jinsisti li dawn huma kollha ideat li ħareġ bihom il-PN seba’ snin ilu, u li l-Gvern baqa’ jsabbat saqajh dwarhom.
Il-PN qal ukoll li kull miżura tkun għalxejn jekk il-Gvern mhux se jbiddel il-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna biex ma jibqax jiddependi fuq iż-żieda fil-popolazzjoni. Jekk dan ma jinbidilx, dawn il-miżuri jkunu biss qed itaffu l-problema għal ftit żmien biex imbagħad terġa’ tiġi fuqna meta n-numri jerġgħu jiżdiedu.
//= $special ?>