Sport

Marconia Zammit Borg tasal sal-fażi tal-aħħar 64 fid-WDF Europe Cup tad-Darts

Hekk kif intlagħbet it-tieni ġurnata tad-WDF Europe Cup tad-Darts, il-plejer Maltija Marconia Zammit Borg irnexxielha tasal sal-fażi tal-aħħar 64 fil-kategorija individwali. Zammit Borg eliminat lis-Slovena Katarina Griffe 4-3 sabiex għaddiet għall-fażi oħra ta’ din il-kompetizzjoni. Eventwalment hi ġiet eliminata mill-plejer ta’ Isle of Man Nikki Bradsley 4-1.

Sadanittant, il-plejers l-oħra femminili kollha ġew eliminati mill-ewwel round hekk kif Liliana Abela tilfet 4-0 kontra l-Awstrijaka Christiane Muzik, b’Audrey Gauci u Josianne Caruana li tilfu bl-istess skor kontra Gina D’Hondt u Eve Watson rispettivament.

Intlagħbu wkoll id-doubles tal-irġiel fejn Kirsten Aquilina u Tony Borg tilfu kontra n-Norveġiżi Henrik Halsvik u Vegar Elvevoll 4-2, filwaqt li l-koppja Albert Scerri u Jonathan Bilocca sfaw eliminati mill-Ingliżi Neil Duff/Nikki Dunlop 4-1.

Fit-tielet ġurnata se jintlagħbu l-kompetizzjonijiet individwali tal-irġiel u d-doubles tan-nisa.