Lokali

Proġett bil-għan li jelimina l-istigma fuq it-tfajliet

Għalkemm ninsabu fis-sena 2024, eluf ta’ nisa u tfajliet qed jaffaċċjaw stigma kbira b’rabta mal-mestruwazzjoni – li huwa proċess naturali li kważi kull mara tgħaddi minnu.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret il-Ġimgħa filgħodu tħabbar proġett pilota fejn se jitqassmu prodotti mestruwali b’xejn fl-iskejjel bil-għan li eventwalment tiġi eliminata l-istigma b’rabta mal-period.

Infatti, madwar 900 studenta fi tliet skejjel se jkun qed jibbenefikaw minn dan il-proġett li jinkludi dispensers li se jkollhom prodotti bħal pads u tampons bla ħlas għall-istudenti.

Net News tkellem mal-ġinekologu Chiara Frendo Balzan li spjegatilna fid-dettall l-għan ta’ dan il-proġett kif ukoll l-impatt li se jħalli fuq l-istudenti. Apparti minn hekk, hija qalet ukoll li r-rwol tagħha f’dan il-proġett huwa li taċċerta li l-kurrikulu tal-lezzjonijiet tal-PSCD ikun aktar apert u li jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-mestruwazzjoni.

Waqt il-konferenza ġie spjegat kif fl-istadji inizjali ta’ dan il-proġett, saret riċerka dwar l-ispejjeż tal-prodotti mestruwali f’Malta, kif ukoll il-possibbiltà li titnaqqas ir-rata tal-VAT fuq il-prodotti kollha mestruwali għall-inqas rata possibbli.

Permezz ta’ dan il-proġett, se tinġabar informazzjoni utli li għandha twassal għall-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett fl-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex.

Intant, sabiex titnaqqas l-istigma relatata mal-mestruwazzjoni, se jsiru diversi inizjattivi fosthom kampanji ta’ għarfien.