Ħaddiem fil-kostruzzjoni rtirat bi problema ta’ xorb alkoħoliku li ilu għaddej biha 40 sena ingħata “l-aħħar opportunità” biex irabbi l-għaqal fejn ġie akkużat li wara li tefa’ siġġu lejn martu, pprova jattakka lilha u lil ibnu.
Ir-raġel, ċittadin mis-Sri Lanka ta’ 65 sena, James Dominicus, aktar tard skuża ruħu għall-inċident u esprima dispjaċir, u qal li ma jiftakar xejn dwar dak li ġara. Il-Ħamis li għadda filgħodu għall-ħabta tad-9:30am, martu marret fiċ-ċentru tal-vjolenza domestika ta’ Santa Lucia biex tirrapporta li żewġha, missierha ta’ tliet itfal kbar kien aggrediha.
Jidher li l-inċident li seħħ l-Erbgħa wara nofsinhar kien ikkawżat minn xi xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ħdejn id-dar tal-koppja f’Birżebbuġa. Ir-raġel beda jilmenta dwar ix-xogħlijiet għall-ħabta tas-2:30pm. Meta martu kellmitu dwar il-mod kif indirizza l-kwistjoni, l-inċident sar vjolenti, qal l-Ispettur Christian Cauchi meta ta ħarsa ġenerali lejn l-avvenimenti li wasslu għall-arrest.
Ir-raġel l-ewwel tefa’ siġġu tal-kamra tal-ikel lejn martu. Imbagħad qabad sikkina u heddidha li joqtolha. Meta binhom li huwa adult intervjena, ir-raġel qabad imqass u pprova jattakka lil ibnu. Iktar tard martu qalet lill-pulizija li l-problema tal-alkoħol li ilha żmien twil kienet il-kawża tal-inkwiet tiegħu.
Wara din ix-xena, sid ir-residenza fejn toqgħod hi kien taha parir biex tfittex l-assistenza tal-pulizija. L-għada filgħodu marret lejn iċ-ċentru tal-vjolenza domestika u ressqet rapport. Il-Ġimgħa l-anzjan, liebes flokk iswed bla kmiem u bil-kliem ‘Out to Party’ , ammetta li kkaġuna lil martu u lil ibnu biża’ minn vjolenza, li nsultentahom u heddidhom.
Il-prosekutur qal li kien irkupra l-imqass iżda mhux is-sikkina użata fl-inċident. Meta mistoqsi, l-imputat ċaħad l-allegazzjonijiet, u qal li ma ftakar xejn. Imma ammetta l-problema ta’ alkoħol li ilha fuqu għal 40 sena u li “qatt ma rnexxielu jindirizza.”
Wara li kkonsulta lill-avukat tiegħu, l-akkużat irreġistra ammissjoni. L-Avukat Victor Bugeja qal li l-akkużat iddispjaċih għal għemilu u skuża ruħu għal dak li seta’ ġara. Tenna wkoll .li xtaq jindirizza wkoll il-vizzju tiegħu. Ordni ta’ trattament u probation ikunu l-aktar xierqa, qal l-Avukat Bugeja.
Il-Qorti, ppreseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech, iddikjarat lill-akkużat ħati fuq ammissjoni tiegħu stess. Rigward il-piena, il-qorti osservat li l-akkużat kien ammetta mal-ewwel opportunità, kien skuża ruħu u wera rimors u kellu bżonn għajnuna immedjata.
B’hekk il-qorti ħarġet ordni ta’ probation ta’ tliet snin, flimkien ma’ ordni ta’ trattament u ordni ta’ trażżin għal termini ugwali. “Qed nagħtik l-aħħar opportunità biex tindirizza l-problema tal-alkoħol tiegħek. Kun żgur li tagħmel l-aħjar minnha. Dan jista’ jkun l-aħħar ċans tiegħek,” wissieh il-maġistrat.
//= $special ?>