Għaddiet ġimgħa mill-kundanna iebsa tat-Tribunal Industrijali dwar l-aġir inaċċettabbli ta’ Joseph Cuschieri fil-konfront ta’ ħaddiem li ma kien qed jagħmel xejn għajr xogħlu, u l-Gvern għadu ċass.
Robert Abela u Miriam Dalli qed jerġgħu jagħżlu lil tal-qalba fuq il-ħaddiem ġenwin. Tant li l-Eks CEO tal-MFSA Joseph Cuschieri għadu qed ipappiha bis-€86,000 fis-sena, issa fit-tmexxija ta’ Project Green, u l-multa ta’ €413,688 li qalgħet l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA), li minħabba fih se jispiċċa jħallasha l-poplu.
Sadanittant, Joseph Cuschieri ma kellux id-deċenza jirriżenja mill-kariga tiegħu wara dak li nstab ħati li għamel.
Fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Ministers Jerome Caruana Cilia u Graham Bencini, il-PN fakkar li Cuschieri hu wieħed mill-ħafna pedini li bihom Robert Abela qed jilgħab musical chairs, hekk kif ftit tax-xhur ilu minn Kap Eżekuttiv tal-MFSA poġġieh Kap Eżekuttiv ta’ Project Green.
Wara li Joseph Cuschieri kisser il-karriera ta’ ħaddiem u waħħel lill-MFSA multa qawwija, Robert Abela u Miriam Dalli minflok ma żammew mal-poplu u mal-ħaddiem, qed jibqgħu jiddefendu lil min żbalja.
Il-Ministru Clyde Caruana, li hu responsabbli mill-finanzi tal-pajjiż, ukoll baqa’ sieket.
Jerome Caruana Cilia u Graham Bencini qalu li n-nuqqas ta’ azzjoni u s-silenzju jtarrax tagħhom hu ta’ għajb għal kull ċittadin Malti u Għawdxi li ma jridx li l-kultura tax-xejn mhu xejn tkompli tikber f’pajjiżna.
Hu totalment inaċċettabbli li uffiċjal għoli fi ħdan il-Gvern jibqa’ jokkupa pożizzjoni bħalma hi dik ta’ Joseph Cuschieri.
Ix-Shadow Ministers qalu li kull ġurnata li jħallih hemm, Robert Abela qed ikompli jkabbar il-kultura ta’ xejn mhu xejn u jkompli jippremja lil min jikser il-liġi u jfarrak lill-ħaddiem.
Il-poplu jixraqlu ferm aħjar, stqarr il-PN fl-istqarrija tiegħu.
//= $special ?>