Hekk kif l-istudenti qed jirritornaw lura lejn il-bankijiet tal-iskola, l-istudenti tal-ITS, tal-MCAST kif ukoll tal-Università ta’ Malta se jagħtu bidu għal sena skolastika ġdida.
L-Istitut għall-Istudji Turistiċi diġà fetaħ il-bibien għall-istudenti hekk kif proprju ftit jiem qabel is-sena skolastika l-ġdida bdew bil-Freshers Week – avveniment ferm popolari u mistenni kull sena fi skejjel varji minn bosta studenti.
F’dawn il-jiem l-istudenti tal-ITS b’mod partikolari dawk li se jkunu fl-ewwel sena tal-istudji tagħhom, se jingħataw informazzjoni utli dwar karrieri possibbli wara li wieħed ikun temm l-istudji tiegħu fi ħdan l-ITS.
Net News tkellem ma żewġ studenti li spjegaw magħna kemm jinsabu ferm eċċitati għal sena skolastika ġdida. U peress li jiffurmaw parti mill-Kunsill tal-Istudenti, huma jinsabu ħerqana li jgħinu lill-istudenti l-oħrajn kull fejn hemm bżonn.
Diversi kumpaniji preżenti waqt il-Freshers Week, qed jagħtu lill-istudenti togħma ta’ kif tkun l-esperjenza tax-xogħol. Waqt Freshers Week, ma jonqosx ukoll li jkun hemm il-mużika li tkompli tagħti ħajja lil din il-ġimgħa.
Intant, matul il-ġimgħa d-dieħla tibda Freshers Week fl-Università ta’ Malta b’numru ta’ stands u avvenimenti varji.
//= $special ?>