Raġel minn Ħal Qormi ngħata sentenza sospiża wara li l-Ġimgħa wara nofs inhar ammetta li kien involut b’rabta mal-inċident ta’ l-isparatura fil-Magħtab, limiti tan-Naxxar. Michael Camilleri ta’ 41 sena, magħruf bħala ‘Tal-Bżar’ ammetta li wettaq ħsara volontarja fuq proprjetà ta’ terzi, insulti u theddid lil hinn mil-limiti ta’ provokazzjoni, li kkawża biża’ ta’ vjolenza, u sewqan negliġenti, imprudenti u perikoluż.
Minn investigazzjonijiet irriżulta li r-raġel baqa’ dieħel b’karozza Mercedes f’kanċell ta’ residenza fi Triq Santa Klara,. Żewġt irġiel u tliet nisa kienu ġewwa r-residenza dak il-ħin tal-inċident. Dan l-inċident ma waqafx hawn għax eżatt wara tiri ġew sparati minn individwu wieħed “mir-residenza ‘l barra”.
Ħadd ma weġġa’ fl-isparatura. Il-pulizija kienu bdew tfittxija għar-raġel u l-Mercedes tiegħu, iżda Camilleri mar fl-għassa ta’ Ħal Qormi għall-ħabta tas-2.30am. Huwa allega li ġew sparati lejh miż-żewġt irġiel fir-residenza. Il-Mercedes tiegħu nstabet fi Triq il-Kosta, b’toqob kkawżati mill-balal sparati.
Camilleri ammetta li fil-25 ta’ Settembru saq u faqa’ l-grada tar-residenza fin-Naxxar. Intqal ukoll li l-investigazzjoni għadha għaddejja minħabba li dakinhar ġew sparati diversi tiri ta’ arma tan-nar. L-Ispettur Joseph Mallia, inkarigat mill-investigazzjoni, ikkonferma li t-tiri ma kinux sparati minn Camilleri.
L-allegati vittmi, Keith u Joseph Bezzina, qalu li kien propju Camilleri li daħal fil-propjetà tagħhom. Il-prosekuzzjoni qalet li Camilleri kkopera u ħa lill-pulizija fuq il-post fejn kien qed iżomm il-vettura. L-Ispettur Mallia qal li l-karozza kellha diversi ħsarat, bil-faċċata tagħha mimlija tiri ta’ arma tan-nar.
Il-ħsarat li saru jammontaw għal €500. Il-Maġistrat Jean Paul Grech sab lil Camilleri ħati fuq ammissjoni tiegħu stess u kkundannah sentenza ta’ sena ħabs sospiżi għal tliet snin. Huwa mmultah ukoll €3,000 u ordnalu jħallas tal-ħsarat lill-allegati vittmi fi żmien sitt xhur.
Il-Maġistrat Grech ħareġ ukoll ordni ta’ trażżin fil-konfront tiegħu u skwalifikalu l-liċenzja tas-sewqan għal tliet xhur. Għal Camilleri dehru l-Avukati Franco Debono, Josè Herrera, Martina Herrera u Matthew Xuereb. Għall-allegati vittmi dehru l-Avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri.