Ronald McDonald House Charities (RMHC) Malta qed torganizza wirja tal-arti li se tintemm b’irkant tax-xogħlijiet artistiċi – inizjattiva sabiex jitfakkar il-50 anniversarju mit-twaqqif ta’ RMHC u jinġabru fondi għall-użu tal-Kamra Sensorjali minn tfal li għandhom diffikultajiet biex jitgħallmu jew li għandhom diffikultajiet oħrajn.
Il-wirja tinkludi xogħlijiet ta’ ‘l fuq minn 20 artist prominenti f’Malta u hija miftuħa għall-pubbliku mis-27 ta’ Settembru sa l-4 ta’ Ottubru fil-Malta Postal Museum & Arts Hub, fil-Belt Valletta.
Ix-xogħlijiet f’din il-wirja – minn fotografija għal ċeramika u pitturi figurattivi u astratti, huma ta’ artisti rinomati fosthom Pawl Carbonaro, Celia Borg Cardona, Francesca Balzan, James Vella Clark, Ryan Falzon, Henry Falzon, Madeleine Gera, Joseph Agius, Debbie Caruana Dingli, Johanna Barthet, Anna Galea, Marisa Attard, Catherine Cavallo, Roberta Zammit Cutajar, Nickie Sultana, Nadya Anne Mangion, Anna Grima, Alfie Gatt, Jason Florio, Cyril Sancereau u Stephen Buhagiar.
Hekk kif din is-sena RMHC qed tfakkar il-50 anniversarju tagħha madwar id-dinja, il-Malta Chapter jibqa’ impenjat lejn il-missjoni tiegħu li jkompli jżomm lill-familji qrib ta’ xulxin permezz ta’ servizzi u riżorsi bżonnjużi għall-familja.
Martin Xuereb, Chairman ta’ RMHC Malta, qasam ir-riflessjonijiet tiegħu: “Hekk kif Ronald McDonald House Charities Global qed tfakkar il-50 anniversarju, qed infakkru wkoll il-ħames anniversarju taċ-Ċentru ta’ Tagħlim ta’ RMHC Malta, vjaġġ inkredibbli li beda minn b’sempliċi att żgħir ta’ karità.”
“Bil-ħidma tagħna ma’ tfal, adulti żgħażagħ u l-familji tagħhom, qed ikollna rwol ċentrali fl-iżvilupp tal-komunità fejn qed nindirizzaw ħtiġijiet soċjali kritiċi b’firxa ta’ inizjattivi. L-għan ta’ din il-wirja hu li tappoġġja l-missjoni tagħna billi noħolqu iżjed għarfien dwar ir-RMHC. Għalhekk, kulħadd mistieden iżur din il-wirja u jieħu sehem f’dan l-irkant.”
Lara Bugeja, Kuratur tal-Mużew Postali ta’ Malta, żiedet tgħid: “ix-xogħlijiet f’din il-wirja jvarjaw minn fotografija sa ċeramika u rappreżentazzjoni tajba ta’ pitturi. Il-varjetà hija interessanti, b’xogħlijiet astratti u figurattivi, xeni interni u pajsaġġi, xeni intimi, meditattivi u naturalment biċċiet tridimensjonali mill-isbaħ.”
Ix-xogħlijiet tal-arti kollha se jkunu disponibbli għall-offerti f’irkant sieket online fil-11 ta’ Ottubru, 2024, fid-21:00. Dawk interessati li jipparteċipaw jistgħu jirreġistraw biex jagħmlu offerta permezz ta’ rmhc-malta.com/interest-to-participate-in-rmhcs-silent-auction/.
//= $special ?>