L-aħbar dwar il-Ġnien Vertikali ta’ Raħal Ġdid li sewa €30,000 u li tneħħa wara biss ftit snin, hija sintomu ta’ problema ikbar, l-istess problema ta’ Project Green. Il-Gvern jonfoq eluf fuq proġetti li kulma huma opportunitajiet ta’ ritratti u PR għall-Ministri, li huma destinati li jfallu minħabba nuqqas ta’ ppjanar u viżjoni fit-tul.
Fi stqarrija, Eve Borg Bonello, Shadow Minister għat-Tibdil fil-Klima u l-Indafa Pubblika; u Rebekah Borg, Shadow Minister għall-Ambjent; qalu li politika nazzjonali ta’ afforestazzjoni fit-tul għandha tkun ċentrali fil-ġlieda ta’ Malta kontra t-Tibdil fil-Klima, minflok qed nitimgħu l-istess PR ta’ soil-cement u ftit xtieli f’ġonna li diġà jeżistu.
Malta u Għawdex jeħtieġu pulmuni ħodor, speċjalment f’zoni urbani u zoni b’konġestjoni kbira. L-istess wegħda toħroġ f’kull ċiklu elettorali, però waqt il-leġiżlatura tibqa’ paroli biss.
Dan biex ma nsemmux r-rapporti li fi proġetti oħra ta’ Project Green, għal kull €2 li jintefqu fuq sigra, jintefaq €1 fuq PR.
Min se jieħu responsabbiltà għall-flus moħlija ripetutament fuq il-proġetti intiżi biss biex jidhru jippuppaw il-Ministri?
Il-Partit Nazzjonalista huwa impenjat li jaħdem biex ikollna soluzzjonijiet ħodor sostenibbli. Għandna bżonn naġixxu, u malajr. It-Tibdil fil-Klima huwa theddida eżistenzjali, mhux buzzword ta’ greenwashing għall-Ministri.
//= $special ?>