Illum Net FM qed jiċċelebra t-33 sena minn meta beda jxandar l-ewwel darba bħala Radio 101.
Kien is-Sibt, 28 ta’ Settembru 1991, meta eluf ta’ persuni nġabru fi Triq Sant’Andrija, f’San Ġwann, biex jaraw it-twelid ta’ dan l-istazzjon ġdid tar-radju.
L-ewwel xandira tmexxiet minn Charles Saliba, John Bundy u Jackie Bartolo.
Sa mill-bidu tiegħu, l-istazzjon, kellu wkoll Kamra tal-Aħbarijiet b’numru ta’ ġurnalisti, li sa minn dakinhar kienu jwasslu aġġornamenti kull siegħa. Radio 101 kien fost l-istazzjonijiet ewlenin li fetħu f’dik is-sena grazzi għall-proċess tal-liberalizzazzjoni fix-xandir, frott il-viżjoni tal-Gvern Nazzjonalista.
Minn dakinhar ‘il quddiem, Radio 101 qatt ma ħares lura u tul dawn is-snin offra l-aħjar għażla għal kull sezzjoni tas-soċjeta’ – minn programmi kulturali, mużikali u informattivi għal diskussjonijiet bis-sehem tat-telefonati, programmi sportivi, qari bil-Malti u aktar.
Fl-1 ta’ Frar 1998, l-istudios ta’ Radio 101 minn San Ġwann, ġew trasferiti lejn Tal-Pietà. Dan il-pass għen b’qabża oħra fil-kwalità tal-apparat u s-servizz offrut.
Fl-14 ta’ Diċembru 1999, isem l-istazzjon inkiteb ukoll fil-Guinness World Book of Records b’xandira ta’ 50 siegħa maratona non-stop.
Fit-2 ta’ Lulju 2018, inkiteb kapitlu ġdid ieħor fl-istorja ta’ dan l-istazzjon meta Radio 101 biddel ismu għal Net FM.
//= $special ?>