“Jien determinat li jkollna futur aħjar.”
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech f’intervista li kellu ma’ Andrew Azzopardi fuq l-RTK103 fejn indirizza r-realtà li l-ekonomija qed tikber biss għax qed jiżdiedu n-numri iżda mhux qed tiżdied il-kwalità.
“Hawn min jgħidlek li dan il-pajjiż spiċċa wieħed li ma tgħix fih,” qal Bernard Grech. “Minħabba għadd ta’ servizzi għax ma sarx investiment kif suppost.”
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-imsieħba soċjali ilhom jgħidu lill-Gvern biex japplika mudell ekonomiku differenti, iżda s’issa rajnih biss iwebbes rasu għal dan.
“Għandna Gvern li mhux kapaċi jaġixxi b’riżultat li jispiċċa biss iraqqaq fejn meħtieġ,” qal Bernard Grech.
Bernard Grech indirizza wkoll in-nuqqas ta’ azzjoni mill-Kummissarju tal-Pulizija.
“Il-Prim Ministru għandu jara li l-Pulizija tkun mgħammra sew u li jingħataw ir-rispett kollu meħtieġ,” qal Bernard Grech. “Nikkundannaw in-nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissarju li minflok jaqbeż għal min qiegħed f’Kastilja.”
Huwa tkellem ukoll dwar il-fatt li jixtieq jara futur sabiħ għaż-żgħażagħ f’pajjiżna.
“Jien dejjem ħdimt favur iż-żgħażagħ u hekk se nibqa’ nagħmel,” qal Bernard Grech.
B’rabta mal-gwerrer li qed naraw f’għadd ta’ pajjiżi, Bernard Grech għamilha ċara li l-Partit Nazzjonalista hu kontra kull forma ta’ ġlied.
“Kull attakk huwa kkundannabbli,” qal Bernard Grech. “Hu x’inhu n-nazzjon.”
Bernard Grech tkellem ukoll dwar kemm Karl Gouder kien importanti għalih, mhux biss fuq livell politiku iżda anke fuq livell personali.
“Karl kien importanti għalina, kemm b’mod uman u anke għall-Partit,” qal Bernard Grech.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar it-tibdiliet li l-Partit se jkun qed jgħaddi minnhom fiż-żmien li ġej.
“Se nkunu qed nagħmlu t-tibdiliet kollha meħtieġa, skont il-pjan li għandna u mhux kwistjoni ta’ żmien,” qal Bernard Grech.
//= $special ?>