Lokali

Jinġabru quddiem Kastilja għal rally favur l-għażla tal-abort

Numru ta’ persuni nġabru fi Pjazza Kastilja għal rally bil-għan li jkun hawn l-aċċess għall-abort f’pajjiżna. B’mod partikolari din is-sena din ir-rally kienet iffukata biex tingħeleb l-istigma assoċjata mal-abort fejn spikkat l-għajta ‘azzjoni mhux paroli’.

Din il-mixja saret fl-okkażjoni tal-jum internazzjonali għall-aċċess sigur tal-abort.

Ir-rally bdiet minn Pjazza Kastilja u dawk preżenti għaddew minn diversi toroq fil-belt sakemm waqfu quddiem il-Qorti għat-tmiem. Wara r-rally kien hemm diversi diskorsi minn attivisti kollha b’appell wieħed li l-abort għandu jġi dekriminalizzat, normalizzat u li jsir disponibbli u aċċessibbli lokalment.

Intqal ukoll li kull sena, mijiet ta’ individwi f’Malta jagħmlu l-abort, u saħqu li kulħadd jaf lil xi ħadd li xi darba għamel abort.

Dan ir-rally kien organizzat mill-koalizzjoni Voice For Choice.