Lokali

“Wasal iż-żmien li nindirizzaw it-tmexxija ħażina fis-settur tas-saħħa”

It-taħwid fit-tmexxija diżastruża fis-settur tas-saħħa jinsab fuq fomm kulħadd – tmur b’emerġenza l-Isptar u tagħmel is-sigħat tistenna muġugħ, appuntament li jdumu ġejjin mal-ġimgħat u x-xhur, jekk mhux anke s-snin, u infermiera u tobba li huma eżawriti bil-pressjoni li jaffaċjaw ta’ kuljum.

Dan kollu ddiskutih l-editorjal tat-Times of Malta fejn appella sabiex il-Gvern jieħu azzjoni llum qabel għada hekk kif spiċċajna f’sitwazzjoni fejn il-Gvern sempliċiment jieħu t-taxxi tal-poplu Malti waqt li jmexxi kull dipartiment f’pajjiżna bl-agħar mod possibli fost korruzzjoni kontinwa.

L-editorjal fakkar kif l-Assoċjazzjoni Medika Maltija kienet ċanfret lill-Gvern talli ħela mal-€10.6 miljun fi pjanar fi blokka ġdida tal-outpatients u faċilità akuta psikjatrika fl-Isptar Mater Dei – kollha pjanar li ġew imħassra biex issa l-Gvern se jkun qed jonfoq mal-€10 miljun biex ikollu pjan alternattiv.

U dan apparti d-diżastru fejn jidħol iċ-Ċentru tas-Saħħa f’Raħal Ġdid fejn xhur wara għadu ma fetaħx il-bibien tiegħu għal imqarr pazjent wieħed.

Bis-servizzi għas-saħħa mentali ġew imqabblu ma’ Cinderella – settur li ġie injorat u abbandunat għal snin sħaħ.

U d-dipartiment tal-outpatients fl-Isptar li jara kważi 1,000 pazjent kuljum, bl-ebda pjanijiet ċari quddiem il-popolazzjoni li dejjem qed tikber filwaqt li s-servizzi f’Mater Dei li jkomplu jiddeterjoraw.

Kien quddiem dan kollu, u iżjed, li l-editur appella sabiex il-Gvern jieħu bis-serjetà dan is-settur tant importanti. Huwa qal li ma jistax ikun li nibqgħu naraw konfużjoni li qed tippersisti fl-ippjanar strateġiku li qed titfa’ lis-saħħa tagħna f’riskju – u b’hekk jeħtieġ li l-Gvern jaħseb mill-ġdid it-triq ‘il quddiem.