“Din kienet għawma biex jien negħleb il-limitazzjonijiet li l-bniedem huwa marbut bihom.”
Hekk stqarr Neil Agius, ftit tas-sigħat wara li tħabbar uffiċjalment li permezz tal-għawma tiegħu, Agius kiser ir-rekord dinji ta’ 142.3km, f’60 siegħa, 35 minuta u 4 sekondi.
Waqt konferenza, flimkien mat-tim tiegħu ta’ 29 persuna, Neil Agius spjega li l-idea għal din il-maratona proprju bdiet sena ilu meta waqaf minn maratona oħra li kien qed jagħmel viċin Spanja, Mallorca u Ibiza, hekk kif fi kliemu stess il-falliment ta’ dik il-maratona kien parti mis-suċċess ta’ din il-maratona.
Agius spjega kif fil-minuti ta’ qabel beda din l-għawma, għalaq għajnejh u qal “issa l-mument li s-snin twal ta’ ħidma jsarrfu f’suċċess.”
Lara Vella, is-sieħba ta’ Neil Agius, spjegat kif fl-ewwel lejl Neil beda jħoss ħafna bard, u dan kien ta’ xokk għalihom minħabba li dan kien sintomu li ġie qabel mistenni.
Spjegat li għalhekk ma’ kull waqfa ta’ minuta u nofs, kull 28 minuta u nofs, it-tim beda jagħti lil Neil ilma u ikel sħun biex jgħinuh fis-sigħat ta’ matul il-lejl… sigħat li fihom ikun dlam assolut.
Agius spjega lil Net News li minkejja li t-temp kien sfida kbira hekk kif f’xi waqtiet il-mewġ beda jlaħħaq iż-żewġ metri, l-ikbar sfida kienet hu stess.
It-tim spjega wkoll li din il-maratona ‘Small Island, Big Swim’, ma baqgħetx biss l-istorja ta’ Neil imma saret ukoll l-istorja ta’ kulħadd hekk kif persuni minn madwar id-dinja kollha bdew jibagħtu l-messaġġi u r-ritratti tagħhom juru l-appoġġ lil Neil Agius. Appoġġ li t-tim beda jaqsam ma’ Neil waqt il-maratona tiegħu.
Neil Agius stqarr kif hu qed jirkupra b’mod tajjeb ħafna u s-saħħa fiżika tiegħu irritornat għan-normal, però għadu jsofri minn problemi f’ħalqu, fi griżmejh u anke f’imnieħru.
Intant, din il-maratona serviet ukoll sabiex ikun hawn iżjed għarfien dwar l-ambjent ta’ madwarna, inkluż dak marittimu, hekk kif saret kollaborazzjoni bejn Wave of Change u l-għaqda Żibel, fejn filwaqt li Neil Agius kien qed jgħum saru żewġ clean ups li servew kemm biex jitnaddaf l-ambejnt kif ukoll biex ukun hawn iżjed għarfien dwar il-plastik li jintrema’ fil-baħar.
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm fost l-oħrajn ix-Shadow Minister għall-Isports, David Agius.
//= $special ?>