Sorsi minn Kastilja żvelaw li l-Uffiċju tal-Prim Ministru spiċċa jiċċensura ammont ta’ artikli kritiċi lejn it-tmexxija ta’ Robert Abela.
Sorsi mil-qalba ta’ Kastilja tkellmu ma’ NET News u kkonfermaw li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qed jinvolvi ruħu direttament fil-kontenut tal-gazzetta It-Torċa wara li sensiela ta’ artikli fil-ġimgħat li għaddew kienu kritiċi lejn it-tmexxija ta’ Robert Abela. L-istess sorsi qalu li l-artikli kritiċi tneħħew u li issa biss kontenut li jfaħħar lill-Prim Ministru u lill-gvern qed jitħalla jiġi ppubblikat.
Din il-mossa ġejja wara li diversi artikli li dehru fil-ġurnal, li huwa magħruf għal rabtiet storiċi u tradizzjonali mal-Partit Laburista, kienu qed jisħqu fuq l-isfidi interni u l-kontroversji li qed taffaċċja l-amministrazzjoni ta’ Abela. Għalkemm It-Torċa spiss titqies bħala l-vuċi tal-ħaddiema, kif ukoll il-pubblikazzjoni uffiċjali tal-General Workers Union (GWU), jidher li fl-aħħar xhur bdiet tesprimi ċertu xettiċiżmu fir-rigward tat-tmexxija ta’ Abela, anke minn sezzjonijiet tal-Partit Laburista stess.
Diversi artikli kienu qed jippreżentaw kritika fuq kwistjonijiet bħal nuqqasijiet ta’ governanza, immaniġġjar ineffettiv ta’ skandli finanzjarji, u inugwaljanzi soċjali li qed jaffettwaw lill-Maltin u lill-Għawdxin. Dawn l-artikli jidher li ma ntlaqgħux tajjeb minn Kastilja, u għalkemm it-Torċa dejjem kienet alleata b’saħħitha tal-Labour, l-involviment tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru issa għamel impatt ċar fuq il-linja editorjali tal-pubblikazzjoni.
Skont l-informazzjoni li waslitilna, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru issa qed jinvolvi ruħu b’mod dirett biex jiżgura li l-ġurnal ma jippubblikax aktar kritika lejn it-tmexxija tal-gvern. Artikli li kienu jindirizzaw il-kontroversji fuq it-trasparenza u l-integrità fil-gvern ġew ċċensurati, u minflok qed jiġu sostitwiti b’artikli li jpinġu lil Robert Abela f’dawl pożittiv.
Dan il-livell ta’ kontroll ikompli jikkonferma kif Robert Abela u l-Gvern tiegħu jħarsu u jitrattaw il-midja.
//= $special ?>