“Aħna nemmnu b’mod sħiħ li l-ġid li jista’ jinħoloq f’Għawdex ikun jista’ jitferra’ għal Malta wkoll – hemm bżonn bidla fil-mentalità.”
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech il-Ħadd filgħodu waqt attività politika fir-Rabat, Għawdex, fejn insista li l-Partit Nazzjonalista jemmen li Għawdex tista’ toffri l-opportunitajiet liż-żgħażagħ għaż-żgħażagħ Għawdxin, ħaddiema u professjonisti li jridu u jixtiequ l-futur tagħhom f’Għawdex.
“L-Għawdxin għandhom mhux biss il-kapaċità imma r-rieda u entużjażmu li jmexxu lill-Għawdex. Għawdex għandu jkollu l-Kunsill Reġjonali, id-deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu mill-Għawdxin stess, għax l-Għawdxin jafu xi jridu.”
Bernard Grech saħaq li Partit Nazzjonalista fil-Gvern iwettaq u jżomm il-kelma tiegħu, iżda insista li dan il-pajjiż għandu bżonn bidla fil-mindset.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li Għawdex kapaċi joħloq ġid ekonomiku kbir, tant li jista’ jferra’ l-ġid lejn Malti.
Huwa qal li l-poplu Malti jrid jimxi din it-triq ‘il quddiem mal-PN, madanakollu, insista li t-triq għadha waħda twila u għaldaqstant kulħadd għandu jibqa’ jaħdem b’saqajh mal-art.
Bernard Grech appella għal bidla fil-mentalità fejn ħadd ma jibqa’ lura, u li kulħadd ikollu dinjità u valur li jixraqlu.
Huwa insista li hemm bżonn li jinħoloq il-ġid ekonomiku li jgawdi minnu kulħadd f’atmosfera libera mhux ristretta, imma li ssaħħek li mat-tajjeb ma jeħilx il-ħażin – iżda insista wkoll li l-ekonomija ma tridx biss tissaħħaħ f’Malta, iżda anke f’Għawdex.
Bernard Grech tkellem dwar il-bilanċ, bejn in-negozji u l-ħajja u l-benesseri taċ-ċittadin, fejn ġab eżempju prattiku bil-Pjazza ta’ San Ġorġ, fir-Rabat Għawdex – bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jisħaq li huwa minnu li n-negozji jridu jkattru l-ġid iżda dan ma jfissirx li jitnaqqar mid-drittijiet tal-poplu – għaliex pjazza għandha titgawda minn kulħadd u mhux biss minn erbgħa minn nies.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista temm jgħid li ħadd ma’ jista jibqa’ lura u Partit Nazzjonalista fil-Gvern biss jista’ jassigura ħidma u inċentiv biex il-familji Maltin u Għawdxin jaraw tnaqqis fit-taxxa – tnaqqis li jfisser investiment fil-futur, fl-ulied li rridu nwieżnu u nsaħħu.
Huwa saħaq li l-PN għandu pjan u soluzzjoni ta’ garanzija għat-triq ‘il quddiem tal-poplu.
//= $special ?>