Lokali

Ħajja iktar faċli għal persuni neqsin mis-smigħ f’soċjetà inklużiva – PN

Sign up for Sign Language Rights hi t-tema magħżula għal din is-sena għall-Jum Internazzjonali għall-Persuni Neqsin mis-Smigħ, tema maħsuba biex persuni neqsin mis-smigħ ikunu jistgħu jieħdu sehem attiv fil-ħajja ta’ kuljum. Permezz tal-lingwa tas-sinjali, il-persuni neqsin mis-smigħ ikunu jistgħu jikkommunikaw b’mod iktar faċli ma’ qraba, edukaturi, u fuq il-post tax-xogħol, fost oħrajn, u b’hekk jipparteċipaw b’mod iktar qawwi fil-ħajja ta’ kuljum.

Fl-okkażjoni ta’ dan il-jum, il-Partit Nazzjonalista jtenni li dawk kollha li għandhom il-ħtieġa ta’ sapport u għajnuna minħabba nuqqas ta’ smigħ, u dawk li jkunu f’kuntatt magħhom, għandhom jiġu mħeġġa jitgħallmu l-lingwa tas-sinjali sa minn età żgħira.

Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Minister Graziella Galea.

Ilkoll nafu l-benefiċċji li dawn il-persuni jistgħu jgawdu minnhom jekk l-edukazzjoni xierqa tingħata ta’ età żgħira. Il-PN iħeġġeġ lill-Gvern biex jipprovdi t-taħriġ meħtieġ lil dawk li jridu jgħallmu l-lingwa tas-sinjali b’mod li jkun hawn iktar interpreti f’pajjiżna, xi ħaġa li tiffaċilita l-possibbiltà li jkun hawn interpretu preżenti kull meta jkun hemm il-ħtieġa.

Il-PN iħeġġeġ ukoll lill-Gvern biex jiffaċilita l-proċess lil dawk kollha li jridu jitgħallmu l-lingwa tas-sinjali, kemm jekk huma stess għandhom diffikultà ta’ nuqqas ta’ smigħ, kif ukoll jekk huma f’kuntatt ma’ dawn il-persuni, b’mod partikolari fil-familja tagħhom. Nappellaw għal iktar investiment dirett mill-Gvern f’teknoloġiji bħalma hu l-apparat tal-għajnuna għas-smigħ.

Minbarra hekk, inħeġġu wkoll lill-istazzjonijiet tat-televiżjoni biex jekk jista’ jkun, kull programm li jiġi trażmess ikollu s-sottotitoli miktuba b’mod li jistgħu jinqraw sew.

Il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja lil għaqdiet volontarji bħalma hija l-Għaqda Persuni Neqsin mis-Smigħ, kif ukoll lil dawk kollha li jaħdmu b’tant dedikazzjoni għall-persuni neqsin mis-smigħ.

L-għan aħħari tal-PN hu li minbarra li naraw li jkun hawn iktar għarfien dwar in-nuqqas ta’ smigħ biex inkunu konxji mill-ħtiġijiet ta’ dawn il-persuni, inħeġġu iktar servizzi u riżorsi għal persuni neqsin mis-smigħ u nippromwovu l-aċċess għalihom, filwaqt li jingħataw iktar opportunitajiet ta’ edukazzjoni u xogħol, b’tali mod li dawn il-persuni ma jħossuhomx esklużi mis-soċjetà u jkollhom aċċess ugwali għal diversi servizzi u opportunitajiet tal-ħajja. Dan bil-għan li jkun hemm integrazzjoni dejjem aħjar, u soċjetà iktar inklużiva.

L-inklużjoni għandha tkun fuq quddiem nett tal-aġenda nazzjonali. Kull pass li nieħdu biex innaqqsu l-ostakli li jħabbtu wiċċhom magħhom persuni neqsin mis-smigħ ikun pass lejn soċjetà iktar ġusta u ugwali.

Flimkien, sostniet Graziella Galea, nistgħu nagħmlu differenza biex kull persuna tkun tista’ tgħix bl-akbar dinjità u rispett.