Internazzjonali

Il-Papa jtemm iż-żjara fil-Belġju… impenn li fih spikkat il-kontroversja dwar l-abbuż sesswali mill-membri tal-kleru

Il-Papa Franġisku temm iż-żjara fil-Belġju b’appell biex issir ġustizzja mal-membri tal-kleru li wettqu l-abbużi sesswali – u biex l-Isqfijiet ‘ma jaħbux aktar għal dawn ir-reati.’

L-appell imqanqal ingħata waqt li l-Papa kien qed ikellem lil madwar 40,000 ruħ li attendew għall-quddies fl-Istadium King Baoudouin, fir-reġjun ta’ Brussell.

Il-Kap tal-Kattoliċi għamilha ċara li ħadd ma għandu jitfa’ l-ħażen taħt it-tapit u li kulħadd irid jinżamm kontabbli għal għemilu.

Intant, il-Papa, waqt l-omelija, tkellem ukoll dwar l-importanza tal-maħfra għal kulmin żbalja u biex in-nies tad-dinja juru sens ta’ mogħdrija għal dawk li qed ibatu.

Filwaqt li l-Papa ntlaqa’ mill-eluf tad-devoti entużjażmati fil-Belġju, din iż-żjara kellha ssir taħt id-dell tar-riperkussjonijiet tal-abbuż sesswali tat-tfal, kemm f’dan il-pajjiż kif ukoll madwar id-dinja.

Fil-fatt, il-Papa Franġisku kien mistieden mill-Prim Ministru Belġjan, Alexander de Croo, kif ukoll mill-persuni (fil-Belġju) li sofrew mill-abbuż sesswali taħt idejn il-membri tal-kleru  biex hu ‘jikkumpensa lil dawk li batew il-konsegwenzi tar-reati’.

Sadanittant, il-Papa, waqt iż-żjara, iċċelebra s-600 anniversarju tal-Università ta’ Leuven, li hi l-aktar università Kattolika antika fid-dinja u li hi wkoll influwenzata mill-Vatikan minn aspett akkademiku.

Fl-istess ħin, waqt iż-żjara, spikkat ukoll is-sejħa tal-elit intellettwali fil-Belġju biex il-Knisja tgħaddi minn riforma storika. Dan meta l-Papa qed jirrifjuta li jordna lin-nisa bħala qassisin u meta lanqas mhu jaċċetta li n-nisa jistgħu jservu bħala dekani – rwol li bih in-nisa jkunu jistgħu jagħtu l-istess servizz bħall-qassisin Kattoliċi.

Hu wkoll sinifikanti li l-Papa neħħa ‘l-issue tan-nisa’ mill-aġenda għad-dibattitu għal waqt is-Sinodu li jmiss tal-Vatikan. Dan għaliex il-kwistjoni hi wisq ikkumplikata u delikata biex tkun trattata kif suppost tul it-tliet ġimgħat li għandu jdum is-Sinodu.