Internazzjonali

Il-Portugall: Għadab dwar il-prezzijiet tad-djar “impossibbli”, bil-poplu anki jsemma’ leħnu dwar il-kirjiet

Eluf ta’nies, fl-aħħar sigħat, ipprotestaw fl-ibliet tal-Portugall fost l-għadab dwar il-prezzijiet tad-djar ‘li ma jaffordja kważi ħadd’. Protesta partikulari trattat il-prezzijiet tal-kiri li ma jifilħux għalihom il-maġġoranza tal-Portugiżi.

In-nies qed jilmentaw li s-settur tal-proprjetà sar wieħed impossibbli għar-riżorzi tagħhom u fejn uħud qalu li huma, f’din is-sitwazzjoni, ‘qed ikollhom jagħżlu bejn l-ikla ta’ kuljum u l-flus li jiggarantilhom xi forma ta’ saqaf fuq rashom’.

Il-kriżi tal-housing fil-Portugall għandha l-għeruq fin-nuqqas ta’ ppjanar soċjali u djar affordabbli – bis-sitwazzjoni ssir terġa’ agħar wara li l-barranin sinjuri rilokaw lejn dan il-pajjiż biex jiggwadanjaw mill-inċentivi relatati mat-taxxa.

Id-domanda fis-settur tat-turiżmu wkoll wassal għal spinta fil-‘holiday rentals’ għal qasir żmien u li anki kkumplikat is-sitwazzjoni għall-Portugiżi li jixtiequ jixtru l-proprjetà. Is-sitwazzjoni, li fi kliem in-nies ilha titħalla tkompli, issa saret ‘insapportabbli’ għall-poplu.