L-osservturi fil-Lvant Nofsani qed jaqblu li l-grupp Ħeżbollah tal-milizji Lebaniżi Xiti, jinsab ‘demoralizzat u mingħajr direzzjoni’ wara l-qtil tal-Kap Ewlieni tagħhom Hassan Nasrallah. Dan meta l-qtil ta’ Nasrallah, fi tmiem il-ġimgħa, jista’ jitqies bħala ‘turning point’ fil-konflitt ta’ Iżrael mal-Ħeżbollah li ilu jirranka għal dawn l-aħħar ġranet, u fost il-konsegwenzi inevitabbli għar-reġjun kollu.
Mifhum li Nasrallah, alleat kbir tal-Iran, spiċċa maqtul waqt attakk mill-ajru tal-Iżraeljani fuq l-inħawi lejn in-nofsinar ta’ Bejrut. Hassan Nasrallah kien ilu għexieren ta’ snin avversarju qalil ta’ Iżrael u mifhum li kien ilu ħafna jgħix f’diversi postijiet ta’ sigurtà sigrieti minħabba li kien immarkat għall-mewt mill-Iżraeljani li kienu jqisuh bħala terrorista ewlieni.
Mhux ikkonfermat jekk l-attakk li sewa l-ħajja ta’ Nasrallah tmexxiex b’daqstant preċiżjoni peress li l-aġenti tal-Mossad, is-servizzi sigrieti ta’ Iżraeljani, setgħu jinfiltraw il-qalba tal-Ħeżbollah biex jiksbu l-informazzjoni kruċjali dwar il-movimenti tal-Kap tal-milizji.
Dan wara li Nasrallah – bl-appoġġ tal-Iran – dejjem kien jinstiga l-attakki kontra l-ibliet Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera u bħala parti minn politika ta’ aggressjoni li issa mistennija teskala min-naħa tal-Ħeżbollah.
Fil-fatt, Nasrallah kien fost l-aktar personalitajiet influwenti fil-Lvant Nofsani minbarra li simbolu għall-eluf ta’ gwerrillieri Xiti li qed jikkumbattu kontra Iżrael.
Il-katavru tiegħu kien irkuprat proprju ftit tal-ħin ilu u meta l-Mexxej Suprem tal-Iran, l-Ayatollah Ali Khamenei, insista li l-mewta ta’ Nasrallah ‘mhix se tgħaddi mingħajr ritaljazzjoni xierqa’. Khamenei ma qalx jekk din ir-ritaljazzjoni għandhiex isseħħ min-naħa tal-Ħeżbollah, inkella jekk l-Iran hux qed jaħseb biex jinvolvi ruħu b’mod ċar u dirett fil-konflitt attwali tal-milizji ma’ Iżrael.
Attakki ġodda fuq il-fortizzi tal-Ħeżbollah
L-Iran ilu s-snin jipprovdi l-armamenti u sostenn finanzjarju lill-grupp Ħeżbollah li kien twaqqaf fis-snin tmenin – u b’riżultat tal-gwerra ċivili fil-Libanu – biex jikkumbatti lill-Iżraeljani.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu qal li l-eliminazzjoni ta’ Nasrallah hi l-aktar żvilupp sodisfaċenti għal pajjiżu f’ħafna snin u fost il-kumment li ‘l-Mexxej tal-Ħeżbollah kellu ħafna kontijiet xi jħallas mal-poplu Iżraeljan’.
Fl-aħħar sigħat, l-Iżraeljani komplew bl-attakki mill-ajru fuq il-fortizzi tal-Ħeżbollah f’Bejrut u fejn ikkonċentraw l-aktar fuq il-frotizza ewlenija tal-milizji f’Dahieh fejn bdew jinstemgħu l-isplużjonijiet kontinwament.
Iz-zona inkwistjoni, darba, kienet hub attiv ħafna fil-kapitali u issa, fi kliem l-osservaturi, inbidlet f’’belt tal-erwieħ’ fost il-bumbardamenti konsistenti u fost eżodu kbir ta’ residenti.
U r-rapporti kkonfermaw li l-qawwiet Iżraeljani qatlu wkoll lil żewġ uffiċjali oħra ewlenin tal-Ħeżbollah… Dawn huma l-Kmandant Ali Karaki li kien responsabbli mill-gruppi tal-milizji fuq il-front Lebaniż tan-Nofsinar; u Nabil Qaouk, li kien ukoll influwenti fil-Ħeżbollah minbarra li kien assoċjat ewlieni ta’ Hassan Nasrallah.
Sadanittant, l-Iżraeljani sostnew li laqtu ‘għexieren oħra ta’ miri’ tal-Ħeżbollah u bil-Ministeru tas-Saħħa f’Bejrut jikkonferma l-qtil u feriment ta’ dejjem aktar Lebaniżi.
//= $special ?>