Internazzjonali

Iżrael qed jattakka lill-għedewwa kollha f’daqqa… bil-qawwiet tiegħu jimmiraw għall-Houthi fil-Jemen

Iżrael, fl-aħħar sigħat, iddiversifika l-pjan għall-attakki fuq l-għedewwa tiegħu u fejn, sigħat wara li elimina lil diversi Mexxejja ewlenin tal-Ħeżbollah fil-Libanu, fetaħ burraxka mill-ajru fuq il-milizji tal-Houthi fil-Jemen. Attakki intiżi biex jeliminaw ‘grupp ieħor ta’ terroristi alleati mal-Iran’.

Fl-attakk fuq il-Jemen intlaqtu l-faċilitajiet tad-dawl u tal-anqas żewġ portijiet f’Ras Isa u Hudaydah. Dan waqt li kelliema għall-Houthi sostnew li l-ġellieda tagħhom se jkomplu jikkumbattu lill-Iżraeljani u lill-Alleati tagħhom tal-Punent.

L-indikazzjonijiet huma li ntlaqtu wkoll diversi siti militari tal-Houthi, bil-Ministru  Iżraeljan għad-Difiża, Yoav Gallant, isostni li l-għedewwa ta’ Iżrael ma jistgħu jaħarbu lejn imkien fid-dinja li kapaċi jqisuh bħala post sikur.

Mhux magħruf jekk Iżrael għandux jiftaħ offensiva fuq il-Jemen għat-tul taż-żmien u meta mistenni li l-Houthi se jkomplu jisparaw il-missili lejn il-bastimenti kummerċjali li qed jużaw ir-rotti speċifikati fil-Baħar l-Aħmar.

Fl-aħħar sigħat ukoll, il-qawwiet tal-ajru Iżraeljani komplew jattakkaw il-miri tal-milizji tal-Ħeżbollah fil-Libanu – b’tal-aħħar mill-ġdid jisparaw aktar missili lejn it-Tramuntana ta’ Iżrael.

Dan meta nqatlu aktar milizji tal-Ħeżbollah, bil-vittmi x’aktarx li jinkludu ċ-ċivili fis-subborgi ta’ Bejrut, il-kapitali tal-Libanu.