Jgħid li t-tkeċċija kundannata mit-tribunal kienet ġustifikata
Joseph Cuschieri mhux se jkun qiegħed jirriżenja minn Kap Eżekuttiv ta’ Project Green wara li t-Tribunal sab li l-MFSA għandha tħallas lil Reuben Fenech aktar minn €400,000 minħabba li tkeċċa minn Chief Operations Officer tal-MFSA b’mod inġust. Dak iż-żmien, l-MFSA kienet titmexxa mill-istess Joseph Cuschieri.
Joseph Cuschieri, li jdaħħal paga ta’ iktar minn €86,000, instab ħati li kkawża tbatija lil dan l-impjegat u lill-familja tiegħu, b’mod illegali u inġust.
Permezz ta’ e-mail, Net News bagħat numru ta’ domandi lil Cuschieri; fost oħrajn jaħsibx li għandu jirriżenja minn Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, u jekk hux ġust li l-kumpens lil Fenech jitħallas minn but il-poplu.
Madanakollu Joseph Cuschieri, minkejja d-deċiżjoni tat-Tribunal, baqa’ jiddefendi t-tkeċċija ta’ Reuben Fenech u saħaq li ttieħdet wara diversi konsultazzjonijiet interni u esterni fl-aħjar interess tal-MFSA.
Intant, mistoqsi dwar dak li ntqal mill-gazzetta It-Torċa dwar Project Green – u allura l-entità mmexxija minnu – Cuschieri bl-aktar mod ċar ma qabilx.
Ftit tal-jiem ilu, intqal mit-Torċa li din l-aġenzija fl-aħħar xhur spiċċat ineżistenti, prattikament sparixxiet u l-ħidma tagħha hi ftit li xejn – deskritta bħala l-akbar falliment tal-Gvern Laburista mill-Elezzjoni Ġenerali ‘l hawn.
Fuq kollox, kien il-PN li aktar kmieni din il-ġimgħa insista li Cuschieri għandu jitneħħa minnufih minn CEO.
Iżda Joseph Cuschieri saħaq li fix-xhur li ġejjin kulħadd se jara x-xogħol ta’ Project Green u insista li qed jaħdmu fuq 100 proġett li jiswew €350 miljun… li se jiġu implimentati sal-2027.
//= $special ?>