Ġimgħa li tkun mistennija minn eluf ta’ studenti minn istituzzjonijiet varji, hekk kif fl-ITS, fl-MCAST kif ukoll fl-Università ta’ Malta bdiet sena akkademika ġdida.
Apparti l-bidu ta’ sena akkademika ġdida, matul din il-ġimgħa ssir ukoll il-Freshers Week fuq il-Kampus tal-Università – avveniment li jkun mistenni minn eluf ta’ studenti.
Il-Freshers Week hi opportunità sabiex l-istudenti l-ġodda jaraw x’opportunitajiet hemm fis-suq tax-xogħol li jkunu marbutin mal-istudji tagħhom kif ukoll opportunità biex jiltaqgħu mal-għaqdiet studenteski. Dan filwaqt li l-Freshers Week hi utli wkoll għall-kumplament tal-istudenti li qed ikomplu bil-korsijiet rispettivi tagħhom fid-diversi fakultajiet li hemm fl-Università ta’ Malta.
Matul din il-ġimgħa fuq il-Kampus ikun hemm ukoll mużika u diversi kompetizzjonijiet; elementi li jkomplu jagħtu l-ħajja lill-Freshers Week.
It-tema magħżula għas-sena akkademika ta’ din is-sena hi ‘Do not be afraid to state your mind’… bir-Rettur tal-Università ta’ Malta l-Professur Alfred Vella jistqarr li l-istudenti għandhom isemmgħu leħinhom fis-soċjetà mingħajr ebda biża’ għaliex l-istudenti huma l-futur tal-pajjiż.
Fiċ-ċerimonja inawgurali ta’ din is-sena akkademika, ir-Rettur qal li dan huwa żmien kruċjali għal kull student għaliex matul l-istudji tagħhom fl-Università jgħaddu minn trasformazzjoni.
Intant, din is-sena ngħaqdu madwar 5,000 student mal-Università ta’ Malta biex b’hekk issa t-total ta’ studenti qabeż it-12,700. Dan apparti li din is-sena ssieħbu wkoll studenti internazzjonali minn madwar 90 pajjiż differenti.
//= $special ?>