Meta mhux korrott, dan il-Gvern huwa inkompetenti
Fl-aħħar ġimgħat komplew joħorġu aktar stejjer li juru l-inkompetenza ta’ dan il-Gvern fit-tmexxija tal-qasam tas-saħħa.
Rajna sitwazzjonijiet fejn l-id il-leminija ma tafx x’inhi tagħmel ix-xellugija, u-turns minn Ministru għall-ieħor, u saħanistra t-tħabbir li investiment li kellu jsir issa mhux se jsir, għax ġie rtirat. Dan kollu, naturalment, għad-dannu tal-pazjenti.
F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-Isptar Monte Karmeli, ix-Shadow Ministers Adrian Delia u Ian Vassallo spjegaw li l-fattur komuni f’dawn l-istejjer huma l-miljuni minn flus il-poplu li qed jispiċċaw mormija, anke f’dan is-settur mill-aktar sensittiv u importanti.
Fost l-investiment ta’ miljuni ewro li sar suf, fl-aħħar ġimgħat kellna dak li kellu jsir fl-Isptar Monte Karmeli u dak li kellu jsir fl-Outpatients tal-Isptar Mater Dei. Kellna mbagħad is-saga tal-hubs sew tat-Tramuntana kif ukoll dak ta’ Raħal Ġdid fejn l-ewwel ġew imwiegħda s-servizzi lill-pazjenti, biex issa għandna biss baħħ.
Fil-każ tal-Isptar Monte Karmeli nħareġ tender ta’ €10 miljun għall-bini ta’ sala ġdida f’dan l-isptar meta ftit ġimgħat biss qabel il-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela kien ħabbar li dan l-isptar se jingħalaq.
Fil-każ tal-Isptar Mater Dei, kienet l-Assoċjazzjoni tat-Tobba, il-MAM, li żvelat kif il-Gvern berbaq kważi 11-il miljun ewro fuq pjani għal blokka ġdida tal-Outpatients u faċilità għall-psikjatrija akuta biex issa rema dawn il-pjani, u se jonfoq €10 miljuni oħra fuq pjan differenti. Huwa tal-mistħija kif dawn il-pjani li kienu tressqu mill-Ministru Chris Fearne u damu jiġu diskussi tliet snin, issa qed jiġu skartati, qalet il-MAM.
L-istess Ministru tas-Saħħa ftit ilu ħabbar ukoll li l-Gvern qed jirtira l-pjani għall-Hub tat-Tramuntana li suppost kellu jtaffi mid-domanda għas-servizzi tas-saħħa fl-Isptar Mater Dei. Skont Abela, in-Northern Hub – li tħabbar is-sena l-oħra – m’għadux prijorità u issa r-risposta tal-Ministru lil dawk li suppost kellhom jinqdew minn dan l-isptar hija biex “imorru Għawdex u jinqdew hemmhekk”.
Minbarra l-Hub tat-Tramuntana, il-Gvern għandu problemi kbar ukoll dwar il-Hub tan-Nofsinhar fejn issa faqqgħet battalja legali, bil-kumpanija inkarigata mill-Hub ta’ Raħal Ġdid qed titlob lill-Qorti twaqqaf lill-Gvern milli jieħu f’idejh il-binja. F’dan il-każ qed nirriskjaw li jintilfu €50 miljun f’fondi allokati għal dan il-proġett minħabba li jilħaq jiskadi ż-żmien stipulat mill-UE biex dan l-isptar jibda jopera. Suppost li l-Paola Southern Regional Health Hub kellu jiftaħ fl-2022.
Dan it-taħwid kollu fil-qasam tas-saħħa juri li l-Gvern qatt ma kellu pjan serju u fit-tul għal dan il-qasam.
Dak li ġara fl-aħħar ġimgħat qed ikompli jifni lil dan is-settur, li diġà kien jinsab għarkopptejh tort tal-inkompetenza tal-Gvern. Wara d-deal korrott tal-Vitals, issa l-Gvern qed ikompli jarmi flus il-poplu anke b’dawn l-investimenti li qed itiru mar-riħ.
Meta mhux korrott, dan il-Gvern inkompetenti.
F’dan kollu, l-uniku u l-ikbar vittma tibqa’ dejjem int, il-pazjent.
//= $special ?>