Internazzjonali

Hollywood – Mużika Country: Imut l-attur u kantawtur leġġendarju Kris Kristofferson

Id-dinja taċ-ċinema u l-esponenti tal-mużika country qed isellmu lill-memorja ta’ Kris Kristofferson, l-attur u kantant veteran li miet fi tmiem il-ġimgħa fl-età ta’ 88 sena. Kristofferson kien magħruf l-aktar għall-film oriġinali ‘A Star is Born’  li ħareġ fl-1976 u fejn fil-parti prinċipali l-oħra hemm l-attriċi ħabiba tiegħu Barbra Streisand.

Kristofferson u Streisand kantaw flimkien fil-kanzunetta Evergreen relatata mat-tema ta’ dan il-film u li rebħet l-Oscar għall-aktar kanzunetta oriġinali. U filwaqt li Kristofferson kien onorat ukoll b’Golden Globe għall-kapaċitajiet bħala attur, hu anki spikka tul is-snin bħala kantant u kompożitur tal-mużika.

Il-kanzunetti famużi ‘Me and Bobby McGee’ u ‘Help Me Make It Through The Night’ huma biss tnejn mill-kompożizzjonijiet ta’ Kristofferson li jinterpretahom ukoll bħala kantant. Intant, Kristofersson, li anki rebaħ diversi grammys, jibqa’ magħruf fost il-ġganti tal-mużika Country u meta hu kien jikkollabora wkoll b’suċċess mal-eks mara tiegħu, il-kantanta Rita Coolidge.