Internazzjonali

Iżrael: Sensiela ta’ attakki mifruxa kontra l-avversarji… b’Netanyahu konvint li ‘qed jirbaħ il-gwerra’

Il-qawwiet Iżraeljani – wara s-suċċessi militari ta’ tmiem il-ġimgħa – komplew ifrerrxu u jiddiversifikaw l-offensiva fuq il-gruppi u entitajiet ta’ milizzji u terroristi li ffurmaw alleanza dedikata lejn skop wieħed… il-qerda ta’ Iżrael bħala Stat.

Sadanittant, il-Gvern tal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, esprima sodisfazzjon dwar ir-riżultati tal-aħħar rejds li minbarra li eliminaw diversi uffiċjali ewlenin tal-gruppi Ħeżbollah u Ħamas, wettqu wkoll il-ħsarat kbar qalb il-portijiet u faċilitajiet oħra fl-ibnadi tal-Jemen li huma kontrollati mill-militanti Houthi. Fil-fatt, Netanyahu, fil-preżent, qed jesprimi konvinzjoni li ‘qed jirbaħ il-gwerra attwali’.

Madankollu, Netanyahu u l-kmandanti tal-qawwiet Iżraeljani qed jgħidu li din il-fażi tal-attakki għadha biss il-bidu ta’ strateġija militari intiża biex tnaqqas l-effettività tal-gruppi avversarji madwar il-Lvant Nofsani. Dan waqt li l-osservaturi tennew li l-fażi partikulari tal-ġlied, aktar ma’ tiżviluppa, kapaċi anki tibdel il-mappa u l-linji tal-fruntiera stabbiliti madwar ir-reġjun kollu.

Il-milizji Lebaniżi Xiti tal-Ħeżbollah – li qed jippruvaw isibu Kap Kmandant ġdid minflok il-Mexxej veteran Hassan Nasrallah li nqatel waqt rejd tal-Iżraeljani f’Bejrut – it-terroristi tal-Ħamas u l-militanti Houthi huma kollha alleati kbar tal-Iran fundamentalista.

Intant, l-Iran ilu s-snin jappoġġja u jiffinanzja lil dawn il-gruppi biex huma jwettqu l-massimu tal-ħsara possibbli lill-poplu ta’ Iżrael.

Lesti għal invażjoni tal-art

Filwaqt li kibret il-possibbiltà li t-truppi Iżraeljani jibdew offensiva mill-art kontra l-milizji tal-Ħeżbollah fil-Libanu, qed jidher li l-istess grupp tal-milizji hu preparat għal dan l-iżvilupp perikoluż għal-Lvant Nofsani kollu.

Fil-fatt, il-kapijiet tal-Ħeżbollah qalu li jinsabu ‘lesti’ għal din l-offensiva mill-art, anki waqt li l-ajruplani tal-gwerra tal-Iżraeljani komplew jattakkaw iz-zoni fil-Libanu indikati bħala ‘ċentri ta’ kmand’ għall-milizji Lebaniżi.

Naim Qassem, il-Viċi Mexxej tal-Ħeżbollah, qal ukoll li l-battalji tal-art mal-Iżraeljani kapaċi huma imminenti u għandhom jieħdu fit-tul – b’dawn ikunu l-ewwel kummenti ta’ din ix-xorti minn wara l-qtil ta’ Nasrallah. Intant, Qassem ried iwassal il-messaġġ li l-Ħeżbollah – minkejja l-aħħar disfatti sinifikanti – beħsiebu jorganizza ruħu mill-ġdid biex ikompli bil-konflitt ma’ Iżrael.

Filwaqt li l-Istati Uniti u diversi pajjiżi oħra fil-Lvant Nofsani qed iwissu kontra kull eskalazzjoni tal-gwerra fir-reġjun, l-Iżraeljani, f’dan il-mument, qegħdin jidhru determinati li jkomplu bl-azzjonijiet militari aktar milli jsegwu programm ta’ diplomazija,

Dan waqt li Herzi Halevi, il-Kap tal-qawwiet tad-difiża Iżraeljani, qal li Iżrael ma jistax jistrieħ fuq is-suċċessi u meta hemm bżonn li jkompli l-attakki bla heda fuq il-Ħeżbollah li għadhom qed jisparaw il-missili lejn l-ibliet tal-Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera.

Xi analisti fir-reġjun, fl-istess ħin, jaħsbu li Iżrael qed jaħdem fuq pjan biex jikkonvinċi lill-Ħeżbollah li l-invażjoni tal-Libanu tista’ tkun ‘jiem jew sigħat biss ‘il bogħod’. Atteġġjament li qed jitqies ukoll bħala sfida diretta lill-Iran biex l-Iżraeljani jaraw fejn kapaċi jasal ‘tassew’ ir-reġim tal-Ayatollah Ali Khamenei.

U fl-aħħar sigħat, il-Ministru tad-Difiża Iżraeljan, Yoav Gallant, informa lit-truppi tiegħu viċin il-fruntiera tal-Libanu li l-Gvern qed iħejji biex juża l-qawwiet tal-ajru, tal-baħar u s-suldati f’kampanja kbira li tibqa’ tikkonċentra fuq l-għedewwa ta’ Iżrael. Gallant tenna li l-eliminazzjoni ta’ Hassan Nasrallah kienet pass kbir importanti ‘lejn ir-rebħa’ iżda xorta għad fadal ħafna xi jsir ‘il quddiem.

Is-sorsi mal-organizzazzjonijiet ta’ fejda, sadanittant, wissew li kull eskalazzjoni tal-offensiva kapaċi twassal għal katastrofi umana oħra fil-Libanu fuq l-istess livell bħal ta’ Gaza. Dan meta l-uffiċjali fil-Libanu qalu li nqatlu ‘l fuq minn 1,200 fil-pajjiż fl-aħħar ġimagħtejn biss u meta l-konflitt ma’ Iżrael issarraf anki f’aktar minn miljun refuġjat.