Raġel ta’ 49 sena minn Ħal Tarxien ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo li hedded lil eks sieħba tiegħu bil-kliem – “se naqtagħlek rasek barra.” Dan wara li skont il-Pulizija mit-Taqsima ta’ kontra l-Vjolenza Domestika, il-mara allegat li meta daħħlet id-dar minn ħarga, għall-ħabta tas-1.30am tal-Ħadd filgħodu, u semmiet isem ta’ terza persuna mal-akkużat, huwa rvilla.
Dan wassal biex Jason Zammit allegatament tar minn fuq is-sodda, waddbilha ‘ashtray’ tal-metall u l-ikel li beda jsib fil-kċina. Wara huwa qabadha minn xagħra u minn għonqha u qalilha li kien se jaqtagħlha rasha barra.
Zammit wieġeb mhux ħati li wettaq dawn ir-reati u għat-talba tal-ħelsien mill-arrest, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għaliex ir-raġel baqa’ jabita fil-post tal-vittma, minkejja li hi ilha li temmet ir-relazzjoni miegħu sa mit-22 ta’ Settembru li għadda. Minkejja li keċċietu l-barra minn darha xi jiem qabel, xorta baqa’ jabita fir-residenza tagħha.
Il-prosekizzjoni oġġezzjonat ukoll għall-fatt li huwa jinsab fuq pleġġ fuq każ ieħor u l-biża’ tal-kontaminazzjoni tal-provi. Qalet ukoll li l-indirizz tal-akkużat ta’ Ħal Tarxien ma jinkwadrax fil-każ. Hawn id-difiża talbert lill-Qorti biex tixhed bint l-akkużat.
Hi xehdet li hija lesta li toqgħod garanti għal missierha jekk jingħata l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest. Qalet ukoll li l-indirizz ta’ Ħal Tarxien jeżisti u li dan huwa tan-nanna u n-nannu tagħha, li jiġu l-ġenituri ta’ missierha u li għandu wkoll iċ-ċwievet ta’ din ir-residenza.
Wara li semgħet il-partijiet, il-Qorti ċaħdet it-talba għal ħelsien mill-arrest minħabba n-natura tal-akkużi filwaqt li qalet li l-possibbilta’ ta’ intraċċ ta’ provi hi waħda reali. Hi għamlet appell lill-Prosekuzzjoni biex malajr kemm jista’ jkun itellgħu x-xhieda.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Audrey Micallef. L-akkuzat deher assistit mill-Avukati Nicholas Mifsud u Andrè Portelli.
//= $special ?>